Il-Prim Ministru għamel stqarrija ministerjali dwar il-Malta Summit fejn fakkar kif mhux kull Presidenza tospita summit għall-mexxejja Ewropej. Kif mistenni emfasizza dwar l-immigrazzjoni.
Saħaq li l-Presidenza Maltija poġġiet l-immigrazzjoni bħala prijorita’ ewlenija. “B’hekk sħaqna li din trid tkun prijorita’ anke fost il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea meta niltaqgħu f’Malta. Irridu li fil-qasam tal-immigrazzjoni nkunu ħadna passi konkreti matul dawn is-sitt xhur fit-tmexxija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,” qal il-Prim Ministru.
Żied li dak maqbul fid-dikjarazzjoni ta’ Malta bejn il-membri kollha tal-Unjoni Ewropea huwa pass konkret ieħor ‘il quddiem. “Kulħadd ġie f’sensih li teżisti problema u rridu naħdmu flimkien biex insolvuha,” qal il-Prim Ministru.
Wara li ġiet ikkontrallata l-kriżi ta’ immigrazzjoni mit-Turkija lejn l-Ewropa, il-ħsieb issa huwa li niffukaw biex innaqqsu l-immigrazzjoni mir-rotta perikoluża taċ-ċentru tal-Mediterran li taffettwa l-iktar lilna u lit-Taljani.
“Dan jibgħat messaġġ lill-popli tagħna li aħna nafu li l-immigrazzjoni hija ta’ tħassib għalihom. Anke f’dawk il-livelli ħsibna jkun fihom. Dan filwaqt li rridu li nsalvaw il-ħajjiet ta’ dawk li jirriskjaw ħajjet uliedhom u lilhom infushom billi jaqsmu baħar perikoluż. Irridu nkissru ċ-ċrieki kriminali li qed jorganizzaw it-traffikar ta’ persuni mil-Afrika lejn l-Ewropa. Irridu wkoll niftħu kuriduri umanitarji fejn min ħaqqu jsib refuġju lejn pajjiż ieħor, ikun jista’ jagħmel dan b’mod organizzat u sikur għall-familja tiegħu,” qal il-Prim Ministru.
Żied jgħid li f’dak kolli li jagħmel il-gvern huwa gwidat mid-determinazzjoni li “naġixxu b’rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, liġijiet kollha internazzjonali u l-valuri Ewropej.”