Fid-diskors tar-replika tal-baġit, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar diversi setturi f’pajjiżna li dan il-Gvern qed jinvesti fihom permezz ta’ dan il-baġit.
Dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li, f’dawn l-aħħar snin, saru diversi miżuri deċiżivi, fosthom trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, it-trasport bil-baħar b’xejn lejn diversi lokalitajiet u ħafna oħrajn.
Però tenna li dan mhux biżżejjed.
“Il-qabża ta’ kwalità fl-immaniġġjar tat-traffiku trid tkun ukoll waħda diġitali. Ma nistgħux nimxu ’l quddiem jekk nimxu analogue. Qisna qed nużaw is-CD flok Spotify biex nisimgħu l-mużika fi żmien fejn lanqas għadek issib CD player. Se ninvestu f’Intelligent Transport Managment. Din hi sistema li tintegra l-informazzjoni kollha li ġejja mit-toroq u l-ibħra tagħna u tagħti l-aħjar mezz kif wieħed juża t-toroq tagħna.”
Dr Robert Abela ħabbar kif it-tfal u ż-żgħażagħ se jkunu qed jingħataw vawċers ta’ 20 ewro biex jużawhom waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb tas-sena d-dieħla.
Hawn sostna li pajjiżna qed jagħti diversi opportunitajjiet għall-aspirazzjonjiet ta’ ħafna, differenti minn dak li qed jesperjenzaw pajjiżi oħrajn.
“Pajjiż li tiggradwa bit-toga u ma tkunx ħallast miżata waħda li hi waħda f’ħajtek. Anzi nkunu tajnik l-istipendju, inkunu tajnik il-kotba, inkunu ħallasna l-miżati tal-eżamijiet. Il-Partit Laburista kien dak il-partit li daħħal l-edukazzjoni b’xejn għal kulhadd u baġit wara ieħor żdiedu l-istipendji. Semmuli pajjiż ieħor hekk, pajjiż ieħor.”
Rigward is-saħħa, il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna għall-fatt li dan il-Baġit bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’ qed jinvesti biljun u nofs ewro, inklużi erbatax-il miljun ewro biex isiru ħamest elef operazzjoni addizzjonali.
Sadanittant Dr Abela sostna kif, għal dan il-Gvern, is-saħħa mentali tal-bniedem hi ta’ prijorità kbira.
“Irrid ukoll li nkomplu nkissru ħafna mill-perċezzjonijiet ħżiena li hemm fuq is-saħħa mentali. Ara xi ħadd jaħseb li s-saħħa mentali taħfirha lil xi ħadd. Is-saħħa mentali ma tagħrafx uċuh u kulħadd hu suxxettibbli għal episodji li fihom li jkun hemm ħsara fis-saħħa mentali. Irridu nuru nemmen aktar imħabba u mhux mibegħda, aktar kompassjoni. Li nagħdru u mhux inkasbru. Li nirrispettaw u mhux nattakkaw.”