Sal-aħħar ta’ din is-sena, il-Gvern se jippreżenta żewġ politiki ġodda, dik dwar il-ħaddiema barranin u t-turiżmu.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet wara d-diskors tal-baġit bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’, fil-Berġa ta’ Kastilja.
“Il-kwalità u mhux kwantità” kien il-messaġġ prinċipali li għadda l-Baġit għall-2025, li tħabbar it-Tnejn filgħaxija fil-Parlament.
Dr Abela sostna li bil-Baġit 2025 se jgawdi pajjiż sħiħ bit-tnaqqis tat-taxxa, aktar minn dak li kien imwiegħed fil-manifest elettorali. B’din il-miżura Soċjalista, li se tolqot b’mod partikolari lill-middle class.
“Illejla l-Gvern ħabbar sensiela ta’ miżuri li jolqtu pożittivament lill-familji Maltin u Għawdxin, għax aħna Gvern li hu pro-family. It-tax-cut li ħabbarna hi l-ikbar waħda fl-istorja ta’ pajjiżna. Tfisser 18,000 ruħ li sal-lum il-ġurnata kienu qegħdin iħallsu l-income tax li s-sena d-dieħla jfisser li dawn mhux se jkunu qegħdin iħallsu ċenteżmu wieħed fit-taxxa tad-dħul. Kull ħaddiem f’dan il-pajjiż ifisser li, mill-inqas, se jkun qed jara l-ewwel elf ewro fix-xahar ta’ qligħ ikunu kompletament eżentati mit-taxxa fuq id-dħul.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan apparti ż-żieda ta’ €250 għal kull wild fiċ-Children’s Allowance, żieda fil-pensjonijiet għall-għaxar sena konsekuttiva u se tingħata fost il-COLA addizzjonali, li se tolqot lil madwar 100,000 familja.
Il-Prim Ministru sostna li, għar-raba’ sena konsekuttiva, Gvern Laburista se jissussidja għal darb’oħra l-kontijiet tad-dawl, il-fuels, fost oħrajn. Hawnhekk hu semma kif dan qed jingħata grazzi għat-tkabbir ekonomiku b’saħħtu li għamel u mistenni jkompli jagħmel pajjiżna.
Dr Abela qal kif, matul din il-ġimgħa, il-Ministri se jippreżentaw il-pjani tagħhom b’dak li se jwettaq il-Baġit 2025.
“Illum ridna li dawk l-isfidi nartikolawhom u niftħu t-triq ’il quddiem, bl-ewwel miżuri jiġu mħabbra. Dak li hemm llum fil-baġit, hu l-bidu u mhux it-tmiem ta’ action plan strateġiku. Fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed invaraw numru ta’ action plans tematiċi għall-isfidi maġġuri li għandu pajjiżna quddiemu, filwaqt li se nkomplu nispjegaw kif l-investiment li hemm fil-baġit se jittrasforma ruħu f’miżuri u inizjattivi ġodda favur il-poplu tagħna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru sostna li dan il-baġit joħloq distinzjoni minn fuq dawk preċedenti, hekk kif il-Gvern se jindirizza l-isfidi. B’Dr Abela jsostni li l-Gvern, immexxi minnu, jisma’ u jaġixxi dwar l-isfidi, hekk kif dan hu Gvern li jwettaq.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, innota kif fi żmien Gvern Nazzjonalista fl-2008, l-akbar wegħda tiegħu dakinhar kienet dik li titnaqqas it-taxxa, iżda f’ħames snin ma saritx din.
Bi Gvern Laburista kellu jkun li jnaqqas it-taxxi u dan f’perjodu meta d-dinja għaddejja minn kriżi bla preċedent.
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana sostna li dan il-baġit juri l-kredibilità u l-abilità ta’ Gvern Laburista. Intqal li s-sitwazzjoni hi ferm differenti minn żmien Gvern Nazzjonalista, hekk kif dakinhar il-baġit kien jitkellem dwar problemi finanzjarji.