Ġimgħa impenjattiva għall-Membri Parlamentari Ewropej, inkluż dawk Maltin, hekk kif kellhom sessjoni ta’ Plenarja oħra minn Strasburgu.
Fost id-diskussjonijiet u dibattiti li seħħew, kien hemm dawk relatati mar-relazzjonijiet li l-Unjoni Ewropea għandha jkollha mal-Istati Uniti.
Kif spjega l-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant, bħalissa hemm xi dubji fuq azzjonijiet li ħa l-President Amerikan Joe Biden: “Fost ħafna Gvernijiet Ewropej hemm diżappunt u ċertu ansjetà dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti minħabba x’ġara fl-Afganistan, minħabba ċertu affarijiet li qed jiġru fil-paċifiku ukoll minħabba ċertu inċertezzi tal-amministrazzjoni Biden u qam dan id-dibattitu dwar x’għandha tkun ir-relazzjoni bejn l-Ewropea u l-Amerika. Qed ikun hemm ċertu moviment li għandu jkun hemm aktar awtonomija f’dak li għandu x’jaqsam ma kif iġġib ruħha l-Ewropa.”
Fid-dawl li issa se nibdew xhur xitwin u b’hekk it-turiżmu mistenni jonqos anke fi żminijijiet ta’ pandemija, l-Ewroparlamentari Għawdxija Josianne Cutajar appellat b’messaġġ ċar sabiex l-għajnuniet finanzjarji jibqgħu jingħataw lin-negozji u ħaddiema li jaqilgħu l-ħobżna ta’ kuljum minn dan is-settur.
Hija stqarret: “Din il-ġimgħa mal-Kummissjoni Ewropea kellna dibattitu dwar it-turiżmu u nafu d-daqqa ta’ ħarta li ħa dan is-settur kien hemm għajnuniet kemm mill-UE u ċertament minn Gvernijiet Lokalment, iżda ma nistgħux nieqfu hemm. Irridu nħarsu wkoll lejn ix-xhur tax-xitwa u ngħinu lill-intrapriżi u l-eluf ta’ ħaddiema u familji li jiddependu fin-negozju tat-turiżmu.”
Il-Membru tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer tkellem dwar il-problema kurrenti taż-żieda fil-prezzijiet fis-settur tal-enerġija. Hawnhekk huwa kellu messaġġ ċar għall-Kummissjoni Ewropea: “Qegħdin nitolbu lill-Kummissjoni Ewropea sabiex f’minnufih toħroġ bi proposti b’saħħithom sabiex naraw illi jkun kemm ikun il-prezz taż-żejt u tal-fjuwil, dan ma jaffetwax liċ-ċittadini illi huma l-aktar vulnerabbli. Ma jistax ikun illi ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kif ukoll dawk madwar l-Ewropa illi jifilħqu l-anqas jerfgħu l-piż ta’ dawn il-prezzijiet.”
Il-Plenarja ntemmet ukoll billi bosta żgħażagħ u adoloxxenti Maltin u Għawdxin ħadu sehem fil-European Youth Event għal din is-sena, li rat lil dawn iż-żgħażagħ iwasslu l-ideat tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa.