Fil-jiem li ġejjin mistennija jitressqu l-qorti żewġ plejers tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-wieħed u għoxrin sena b’rabta mal-logħba kontra l-Montenegro.
Logħba li dwarha diġa’ ammetta akkużi ta’ tixħim Seyble Zammit u li ġibdet l-attenzjoni tal-MFA u l-pulizija wara li kien hemm rapport minn kumpanija internazzjonali li tanalizza l-imħatri għall-assoċjazzjoni Maltija.
Kif irrapporta ONE NEWS fl-aħħar ġimgħat Seyble Zammit kien il-kuntatt bejn l-imħuħ wara l-manuvra biex ikun miftiehem ir-riżultat u l-plejers. Bil-pulizija tiffoka l-investigazzjoni tagħhha fuq ċertu Ronni Mackay li mal-ġustizzja diġa’ huwa magħruf minħabba każi oħra.
Minn tagħrif li kiseb ONE NEWS jirriżulta li qed ikun maħsub u allegat li Mackay kien il-moħħ f’pajjiżna wara l-ħadma biex ir-riżultat ikun dak li xtaqu dawk li lagħbu l-imħatri u mhux eskluż li involuti kien hemm ukoll nies ta’ nisel barrani, fosthom Ċiniż li kien Malta għall-jiem tal-logħba.
Skont rapport fit-Times of Malta dalgħodu jirriżulta li Mackay se jitressaq il-qorti fit-tnejn ta’ Ġunju. Fl-istess jum se jidhru wkoll quddiem il-ġustizzja Emanuel Briffa li jilgħab ma’ Floriana u Kyle Cesare li huwa plejer tal-Pieta. It-tnejn plejers tan-nazzjonal li kienu involuti f’dik il-logħba.