Matul il-ġimgħa li għaddiet saru l-Enemed FMA Awards f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan fejn ġew ippremjati dawk il-plejers li spikkaw tul dan l-istaġun li għadu kemm intemm.
Celino Alves ta’ Luxol St Andrew’s rebaħ l-Enemed Futsal Player Award. Il-plejer Brażiljan kien strumentali sabiex it-tim minn St Andrews jirbaħ il-ħames kampjonat konsekuttiv tiegħu.
Iċ-champions Luxol marru tajjeb ukoll fl-unur tal-aqwa kowċ mirbuħ minn Gabriel Dobre li mexxa lit-tim mhux biss għar-rebħ tal-kampjonat iżda anke għat-tragward li jaslu sal-Elite Round tal-UEFA Futsal Champions League.
F’aktar unuri li ntrebħu, Brandon Debono ta’ Swieqi United Futsal rebaħ l-Enemed Best Futsal Goalkeeper Award filwaqt li Collin Sammut tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena eċċella fl-Enemed Most Promising Futsal Player Award.
Andy Mangion ta’ Luxol kien ivvutat bħala l-Enemed Best Maltese Futsal Player filwaqt li Karl Luke Schembri ta’ St George’s Futsal rebaħ żewġ unuri, dak tal-aqwa skorer taċ-Challenger League kif ukoll l-Enemed Futsal Player Award tal-istess diviżjoni.
Finalment Karl Sciortino rebaħ l-Enemed Top Scorer Award,
F’diskors qasir tal-okkażjoni, il-president tal-FMA il-perit Mark Borg qal li matul dan l-istaġun l-assoċjazzjoni wettqet ħafna objettivi fosthom l-introduzzjoni tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena fil-kampjonat tagħha li serviet bħala esperjenza għal dawn iż-żgħażagħ Maltin, il-kwalifikazzjoni ta’ Luxol fl-Elite Round tal-UEFA Futsal Champions League kif ukoll l-introduzzjoni tal-festivals tan-nisa sabiex fl-istaġun li ġej se jibda wkoll kampjonat għalihom.