Waqt logħba futbol is-Sibt waranofsinhar bejn it-timijiet tal-Belt Valletta u San Ġwann, il-plejers ħarġu bi strixxun b’messaġġ pożittiv.
Il-messaġġ kien jgħid hekk; “Ejja nilagħbu. Ejja nieħdu pjaċir.”
L-għan wara din l-inizjattiva huwa li l-plejers jitħallew igawdu l-logħba tal-ballun f’ambjent pożittiv; ġimgħa wara li nqala’ argument bejn xi ġenituri waqt li uliedhom kienu qed jilagħbu l-futbol.
F’kumment ma’ ONE News, il-Koordinatur taċ-Ċentri Reġjonali, Silvio Vella saħaq dwar l-importanza li t-tfal ma jkollhomx pressjoni żejda mill-ġenituri jew mill-kowċis.
Qal, “Waqt it-training, waqt il-logħob, ma ssirx pressjoni żejda. Min-naħa tal-fondazzjoni qed nagħmlu anke laqgħat mal-parents, biex nuruhom kif inhu l-iżvilupp, li m’għandniex bżonn ħafna pressjoni żejda. Dawn huma tfal żgħar, jiżbaljaw, bħalma jiżbaljaw il-kbar, mhumiex professjonali, qegħdin fi żmien ta’ proċess.”
Din kienet inizjattiva ta’ waħda mill-fergħa tal-Assoċjazjoni Maltija tal-Futbol, bl-isem ta’ ‘Inħobb il-futbol’.