Nofs ta’ nhar b’daħka fuq wiċċ aktar minn ħamsin anzjan residenti f’dar tal-anzjani f’Tas-Sliema hekk kif numru ta’ plejers mit-tim ta’ Ħamrun Spartans qattgħu l-ħin magħhom u ma’ għadd ta’ persuni li jieħdu ħsiebhom b’tant dedikazzjoni. Fost l-anzjani, numru ta’ dilettanti tal-logħba tal-ballun qasmu l-memorji tagħhom marbuta mal-futbol, filwaqt li oħrajn għoxew jaraw lill-plejers jaqsmu magħhom it-talent li għandhom bil-ballun.
Għal darb’oħra, l-iSpartans taw kontribut biex jixxerred ferħ u divertiment fost il-komunità. L-anzjani nġabru minn kmieni f’sala armata bl-aħmar u iswed għall-okkażjoni sabiex jaraw mill-qrib uħud mill-aqwa ismijiet tal-futbol Malti, fosthom plejers tat-tim nazzjonali bħal Matthew Guillaumier, Luke Montabello, Juan Corbolan u Ryan Camenzuli kif ukoll l-Brażiljan Emerson Marcelina.
Uħud mir-residenti sabu l-kuraġġ li jingħaqdu mal-plejers u urewhom li kien għad fadlilhom x’joffru bil-ballun f’saqajhom b’sħabhom iċapċpu entużjasti b’dak li kienu qed jaraw.
Fl-aħħar tal-avveniment, il-plejers qasmu pjanta lir-residenti li ħadu sehem flimkien ma’ flokk iffirmat minnhom stess filwaqt li ritratti tal-okkażjoni ma’ naqsux.
Din iż-żjara, li kienet appoġġjata minn Ħamrun Ħanin, l-entità li tieħu ħsieb l-aspett soċjali tal-klabb ta’ Hamrun Spartans FC, tibni fuq il-ħidma tal-aħħar xhur fejn żdiedet il-preżenza fil-komunità, speċjalment fost l-aktar gruppi vulnerabbli tas-soċjetà.
L-għan ta’ Ħamrun Ħanin huwa li jippromwovi valuri bħall-inklużjoni, diversità u attività fiżika.