Żewġ plejers ta’ Sta. Lucia FC, u plejer kull wieħed mit-teams ta’ Mosta FC, Mellieħa FC, Vittoriosa Stars FC u Xgħajra Tornadoes FC kienu f ’Malta biex jilagħbu fil-kampjonati tal-MFA matul ix-xhur ta’ Settembru u Ottubru ta’ din is-sena mingħajr ma kellhom il-permess ta’ residenza. Dokumenti li waslu għand il-gazzetta KULLĦADD jikkonfermaw li s-Segretarji ta’ ħames klabbs kienu mgħarrfa li dawn il-plejers huma sospiżi b’mod immedjat minħabba li l-klabbs naqsu li sal-15 ta’ Ottubru idaħħlu l-permess ta’ residenza ta’ dawn il-plejers. Il-plejers li kienu sospiżi huma: Moussa Souare ta’ Mosta FC, Stefan Vasilevski ta’ Mellieħa FC, Sebastain Perdomo u Santiago Solano ta’ Sta Lucia FC, Obinna Obiefule ta’ Vittoriosa FC u Nestor Luis Canas ta’ Xgħajra Tornadoes FC. Diversi klabbs minn diversi diviżjonijiet ilmentaw anke b’mod uffiċjali mas-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti dwar il-fatt kif uħud minn dawn il-plejers tħallew jilagħbu fil-kampjonati b’mod irregolari. Iktar gravi hu l-fatt li l-MFA m’għandha ebda kontroll fuq il-klabbs li qed iġibu plejers barra mill-Unjoni Ewropea u mhux dejjem jirnexxilhom iġibulhom il-permessi kollha neċessarji.
Minn eżerċizzju li għamlet il-gazzetta jidher li Mosta, Sta Lucia u Vittoriosa kienu t-tliet klabbs li minkejja li kellhom il-plejers lesti biex jilagħbu huma ma rriskjawx u qagħdu mar-regolament tal-kompetizzjonijiet tal-MFA. Artiklu 4.9.2 jistipula li plejer mingħajr permess ta’ residenza ma jkunx eliġibbli u allura ma jistax jilgħab fil-kampjonat. Mhux l-istess jista’ jingħad għal Mellieħa FC u għal Xgħajra Tornadoes li kellhom liż-żewġ plejers tagħhom mingħajr il-permess ta’ residenza jilagħbu fil-kampjonati.
Fil-fatt, il-plejer mill-Maċedonja ta’ Mellieħa FC Stefan Vasilevski fit-Tieni Diviżjoni ipparteċipa f ’ħamsa mis-sitt logħbiet li Mellieħa lagħbu dan l-istaġun. L-avversarji tagħhom Siġġiewi FC (1-3 favur Mellieħa), Fgura United (0-0), u Żabbar SP (0-0) setgħu protestaw u setgħu rebħulhom il-punti fuq il-mejda. Xgħajra Tornadoes ukoll lagħbu l-plejer Nestor Luis Canas fil-kampjonat tat-Tielet Diviżjoni mingħajr ma dan kellu l-permess ta’ residenza. Hu lagħab f ’erba’ logħbiet minn ħamsa li lagħbu u rebħu Xgħajra Tornadoes dan l-istaġun kontra Għargħur (3-2), Attard (2-0), Msida SJ (1-3) u Għaxaq (2-1).
Kieku l-klabbs telliefa pprotestaw kienu jirbħu l-punti fuq il-mejda. Meta kkuntattjat, uffiċjal minn dawn il-klabbs li kienu affettwati b’din l-irregolarità ta’ wieħed millklabbs qal hekk: “Ara kieku dan sar fil-Premier kulħadd kien ikun jaf imma aħna hawn fitThird minsija minn kulħadd. Sal-lum minsija. Għax issa daqt jibdew jiftakru fina u jżiegħlu bina.”