Plejer tal-futbol u missier ta’ żewġt itfal żgħar jinsab f’qagħda serja wara li l-Ħamis filgħaxija tah attakk tal-qalb waqt li kien qed jilgħab logħba futbol kontra t-tim ta’ Kirkop United mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni fil-grawnd taċ-Ċentinarju.
Kienet xena ta’ qsim il-qalb u li qajmet paniku.
Dik li suppost kienet logħba kalma mingħajr ħafna attenzjoni, inbidlet f’waħda li fiha, f’ġirja kontra l-ħin kienet qed tipprova tiġi salvata ħajja.
F’ħin bla waqt, il-plejer li jilgħab ma’ Santa Venera Lightnings deher jaqa’ mal-art u minnufih, tabib tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol mar jagħtih l-ewwel għajnuna fil-grawnd.
F’dan il-ħin anki persuni oħra li nzertaw fil-grawnd marru jgħinuh waqt li oħrajn inħasdu u baqgħu miblugħin kif plejer li sa ftit tal-minuti qabel kien ibigħ is-saħħa, spiċċa mitluf minn sensih.
Fil-programm ONE Breakfast, il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo spjega s-sitwazzjoni li kien hemm fil-grawnd.
Vassallo stqarr: “Il-partità ġiet sospiża fl-44 minuta iżda l-inċident seħħ fis-36 minuta tal-logħba fejn il-plejer tah arrest kardjaku u ovvjament ingħata l-ewwel għajnuna mill-paramedic staff tal-assoċjazzjoni tal-MFA li aħna għandna kull partita minn Premier League, jibqa’ nieżel sat-tfal.”
Meta t-tabib beda jagħti l-ewwel għajnuna lill-plejer, minnufih issejħet ambulanza mill-isptar Mater Dei.
B’reazzjoni għal dan il-każ, sieħeb il-plejer, Shamison Farrugia esprima d-diżappunt li fil-ħin tal-inċident ma kienx hemm ambulanza stazzjonata fil-grawnd.
Il-President tal-MFA saħaq li bosta persuni jinsabu taħt xokk.
Vassallo: “Ovvjament il-klabb u dawk preżenti jinsabu taħt xokk u bħala assoċjazzjoni se noffru l-aspett b’support psikoloġiku minħabba l-influwenza illi dak l-inċident seta’ kellu fuq l-aspett mentali u emozzjonali illi naħseb li dak għandu jkun l-ewwel pass.”
Spjega kif l-MFA qed tara li jkun hemm żewġ vetturi tal-emerġenza biex jintervjenu malajr.
“Qegħdin naħdmu propju bħalissa biex jekk mhux l-ambulanza preżenti f’kull partita għax hemm ħafna kif semmejtlek imma li jkollna emergency vehicle f’żewġ partijiet tal-pajjiż li jkun jista’ jirrispondi tkun fejn tkun il-logħba, tkun ta’ liema livell hi”, tenna Vassallo.
Kayne Said, plejer Vendriż ieħor stqarr fuq il-profil tiegħu fuq facebook li qatt ma kien jaħseb li l-logħba tal-futbol tista’ tkun ħolma daqshekk kerha.
Waqt li tella’ ritratt tat-tim Vendriż qabel il-logħba li fih jidher ukoll Yau-Mun, Said kiteb li ftit sekondi qabel ma bdiet il-partita, il-plejers kienu kollha grintużi u kkonċentrati, viċin ta’ xulxin.