Il-Ħadd filgħodu, players tal-preżent u oħrajn li kienu jilgħabu mat-tim nazzjonali Malti, fil-passat sebħu fil-Qrendi, sabiex jikkontribwixxu għall-kawża ġusta.
Dan waqt attività fejn fiha l-pubbliku kellu l-opportunita’ li jiltaqa’ mal-players, filwaqt li fl-istess ħin jgħin lill-fondazzjoni Caritas. Fondazzjoni li tgħin lil persuni fil-faqar filwaqt li tgħin tippromwovi l-iżvilupp ta’ persuni lejn ħajja aħjar anke f’oqsma li jolqtu fost oħrajn il-vizzju tad-droga.
Crew ta’ ONE News żar din l-attività fejn hemmhekk tkellem ma’ wħud mill-players li għażlu jikkontribwixxu f’din l-attività mtella’ fiż-żmien tal-festi.
Hemmhekk tkellimna mal-eks player tat-tim nazzjonali Malti Raymond Vella, magħruf bħala l-Mundu.
Stqarr, “Iltqajna wkoll, players l-antiki, tal-passat ha ngħid hekk, u dawk tal-preżent, u naħseb hija xi ħaġa sabiħa għall-karita’ wkoll.”
Tkellimna wkoll ma’ numru ta’ players oħrajn fosthomJoe Cini li llum il-ġurnata għandu 86 sena.
“Għan li niġbru għall-Caritas, u l-affarijiet l-oħra li iltqajna. Aħna niltaqgħu spiss, aħna t-tlieta speċjalment, imma ħafna mill-players ta’ żmienna, ma tantx jiltaqgħu.
“Din kienet idea ta’ Jimmy Briffa, li ssir din il-laqgħa, biex jinġabru flus għall-Caritas, u aħna ħassejna li jkun ġest tajjeb.”
“Apparti li niltaqgħu aħna bejnietna, għax indumu ma niltaqgħu, li qiegħda għal xi ħaġa sabiħa tal-Caritas, li tgħin dak li jkun.”
Preżenti kien hemm ukoll players kurrenti, fosthom Matthew Guillaumier u Hayley Bugeja.
Gullaimer qal, “Qed nara u niltaqa’ ma’ ex-players, li forsi ma kellix iċ-ċans niltaqa’ magħhom qabel, jien fortunat li għandi anke fil-familja eks-players, jiġifieri, diġà ltqajt ma’ ċertu players, pero’ hi xi ħaġa sabiħa li tista’ tiltaqa’ ma’ dawk li lagħbu qablek.
Bugrja stqarret, “Hija unur li qed niltaqa’ ma’ ċertu players, li ovjament jaf rajthom fuq it-television meta kont żgħira, jew smajt bihom, ċertu players li kienu jikkowċjawni meta kont żgħira, dejjem sabiħa li niltaqa’ magħhom meta qiegħda hawn Malta, u l-fatt li ġejna hawn għall-kawża tajba hija xi ħaġa sabiħa ħafna.”
Din l-attività inkludiet esebizzjoni mill-mużew tal-football, li ġie inawgurat is-sena l-oħra mill-President tal-FIFA, Gianni Infantino, kif ukoll rat is-sehem ta’ bosta Pulizija u membri tal-forzi armati ta’ Malta.