Il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qed ikompli jesponi ma’ kull jum li jgħaddi, id-double standards tiegħu, fejn qed jikser lil kliemu stess.
“Simon Busuttil kien ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-Gvern u l-Partit Laburista għax appellew mis-sentenza fil-kawża tas-siġġijiet, għax qal li l-appell sar biex jitwal iż-żmien, biex issa l-istess Kap tal-Oppożizzjoni appella hu,” qal il-Partit Laburista.
Żied jgħid li filwaqt li kulħadd għandu dritt li jressaq l-appell tiegħu, kif filfatt sar, jistona ħafna l-fatt li Busuttil jikkritika lil ħaddieħor għax appella, meta għandu kull dritt jagħmel hekk u fl-istess ħin jagħmel wieħed huwa stess.
“Huwa ċar li Busuttil mhux biss ma jqisx kliemu, mhux biss joħroġ proposti li huma half baked, imma dak li jgħodd għal ħaddieħor, ma jgħoddx għalih innifsu. Għalhekk ħadd mhu qed jieħdu bis-serjetà. Ma’ kull jum li jgħaddi n-nies qed jaraw Oppożizzjoni tal-managment by crisis,” temm il-Partit Laburista.