- Inawgurat proġett ta’ riġenerazzjoni fil-Pjazza tax-Xewkija
Fil-Pjazza San Ġwann Battista ġewwa x-Xewkija Għawdex ġie inawgurat proġett ta’ faċilitajiet pubbliċi ġodda b’ aċċessibiltà komda permezz ta’ lift u tisbiħ tal-pjazza. B’investiment ta’ €105,000 dan il-proġett sar bħala parti mir-riġenerazzjoni tal-pjazza tar-rotunda fix-Xewkija.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet, is-Segretarju Parlamentari Għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo faħħar lill-Kunsill Lokali tax-Xewkija għas-serjetà li biha implimenta dan il-proġett. Huwa aċċenna għall-fatt li dan il-proġett huwa l-uniku wieħed tat-tip tiegħu fejn sar investiment addizzjonali sabiex permezz ta’ lift, dawn il-faċilitajiet ikunu aċċessibbli b’mod komdu minn persuni b’diżabbiltà, anzjani kif ukoll ġenituri bit-tfal.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal ukoll li dan il-proġett sar ukoll bi ħsieb li jingħata aċċess komdu lil wirt storiku li jeżisti taħt il-pjazza fejn jinsabu shelters ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. B’hekk issa l-Kunsill Lokali ser ikun jista’ jniedi proġett ieħor għar-riġenerazzjoni ta’ dawn ix-shelters li ser iservu bħala attrazzjoni turistika oħra ġewwa dan il-lokal f’Għawdex. Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li l-Gvern huwa kommess li jkompli jgħin lill-Kunsilli Lokali jwettqu proġetti bħal dawn sabiex joffru aktar spazji miftuħa li huma komdi u ta’ kwalità għaċ-ċittadini tagħna.
Matul din is-sena ser ikunu qed jitwettqu ħdax-il proġett ta’ spazji miftuħa b’investiment li jlaħħaq €2.5 miljun.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet kif illum f’pajjiżna għall-ewwel darba għandna Politika u Strategija Nazzjonali għal persuni b’diżabilità u kull proġett irid jaderixxi magħhom. Huwa ta’ sodisfazzjon li l-proġett tal-pjazza tax-Xewkija jirrifletti dawn il-prinċipji u huwa mudell għall-proġetti oħra b’risq l-acċċessibilità.
Qalet kif dan il-proġett tax-Xewkija kkwalifika għall-fondi speċjali relatati mal-aċċessbilità li nħarrġu wkoll mis-Segretarjat tagħha.