Ilbieraħ filgħaxija, mjiet ta’ xemgħat xegħlu Pjazza San Ġorġ, f’ġest lejn Earth Hour, moviment ambjentali madwar id-dinja favur l-enerġija sostenibbli u l-għarfien dwar it-tibdil fil-klima.
Bejn it-8:30 u d-9:30 ta’ filgħaxija ntfew numru ta’ binjiet madwar Malta u Għawdex f’ġest kollettiv lejn dan il-movument.
L-għan ta’ din l-inizjattiva hu li titqajjem kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima u l-użu responsabbli tal-enerġija u riżorsi oħra.
Fost l-attivitajiet li saru bit-tema ta’ ‘Earth Hour’ kienu jinkludu fost l-oħrajn marċ mill-banda tal-iscouts ta’ Bormla minn Pjazza Tritoni sa Pjazza San Ġorġ.
Minbarra d-divertiment lokali, diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, ingħaqdu mal-avveniment sabiex jipprovdu informazzjoni lill-pubbliku dwar l-ambjent u s-sostenibbiltà.
Rigward dan l-avveniment, kien hemm proġezzjoni awdjoviżiva mal-faċċata tal-Palazz tal-Gran Mastru filwaqt li tpoġġew ix-xemgħat li jiffurmaw il-logo tal-avveniment Earth Hour ‘60’.
