Ftit tal-ħin ilu ġie inawgurat il-Ġnien tal-Ħolm, li sar temporanjament bħala spazju aħdar fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt. Dan sar bl-inizjattiva tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.
F’dan il-ġnien hemm aktar minn 18,000 pjanta ta’ kull varjetà u kulur, f’inizjattiva mill-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.
Dan il-ġnien jinkludi diversi pjanti differenti li huma Mediterranji u joffri spazju sabiħ lil min iżuru.
F’konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, Jason Micallef, qal li dawn il-pjanti se jagħmlu hemmhekk ġimgħa u wara se jitħawlu fi spazji pubbliċi oħrajn.
Jason Micallef sostna li dan il-ġnien juri l-kuxjenza ambjentali li għandha l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.
“Kuntenti immens li, anke jekk għal sebat ijiem biss, qed nagħtu dan il-pulmun aħdar fil-Belt Valletta għax, naturalment, mid-dehra sabiħa. Huwa oġġett sabiħ ħafna li l-kuxjenza ambjentali tal-anqas fuq perjodu ta’ ġimgħa tagħmel parti sostanzjali mill-kalendarju kulturali tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.” (19 secs)
Dan il-ġnien fil-qalba tal-Belt Valletta huwa parti mill-attivitajiet tal-Valletta Green Festival u jista’ jitgawda minn dawk li jżuru l-Belt sal-Ħadd sebgħa ta’ Mejju.