Fl-isfida ambizzjuża li jiġbor is-somma ta’ €30,000 b’risq il-Partit Laburista, il-programm popolari Pjazza rnexxielu jegħleb anke l-aspettattivi tiegħu stess. Sal-bieraħ, dan l-appuntament fiss għal ħafna fil-faxxa televiżiva ta’ filgħaxija, ġabar is-somma totali ta’ €46,252, grazzi għall-kontribut sinifikanti mit-telespettaturi tiegħu u anke dawk li laqgħu l-istedina biex jinżlu fil-każini tas-sitt lokalitajiet li l-preżentatur Karl Stagno-Navarra kien qed iżur fi tmiem kull xandira.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Stagno-Navarra stqarr li jinsab sodisfatt immens li nqabżet il-mira oriġinali, waqt li d-donazzjonijiet kienu għadhom deħlin. “Din l-isfida kompliet turi kemm hi kbira l-ġenerożità talgħeruq tal-Partit Laburista, li dejjem huma lesti jirrispondu b’lealtà liema bħalha ma’ kull sejħa li ssirilhom,” qalilna l-preżentatur.
Minbarra li kontinwament kien qed jiġbor il-flus permezz tat-telefonati u l-SMSs, din id-darba l-programm, li jixxandar mis-6.30 p.m. fuq ONE, ħareġ mill-istudio fil-Marsa u żar iċ-Ċentri Laburisti ta’ Raħal Ġdid, taż-Żejtun, ta’ Marsaxlokk, tan-Naxxar, tar-Rabat u tar-Rabat, Għawdex, fejn ġew organizzati attivitajiet tal-okkażjoni. Minn dawn waħedhom inġabret is-somma ta’ €23,113 (Raħal Ġdid – €900, iż-Żejtun – €1,700, Marsaxlokk – €2,463, in-Naxxar – €6.335, ir-Rabat – €1,600 u r-Rabat, Għawdex – €10,115).
Magħhom żdiedu wkoll €250 mil-lokal tal-Mellieħa li minn jeddhom għamlu ġabra għall-okkażjoni. Waqt li fl-istudio laqa’ lil diversi personalitajiet biex jitkellem fuq ilbżonn ta’ din l-“isfida”, mistednin speċjali ta’ Karl f’waħda mis-serati kienu mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela u binthom Georgia Mae.
Sentejn ilu l-programm kien ukoll ġabar mal-€35,000 f’temp ta’ ġimgħa, waqt kampanja mlaqq ma “SFIDA10”, li ħabtet mal-10 anniversarju fit-tmexxija tal-Eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat.
“Għaddejna ġimgħa li matulha jien, flimkien mad-Direttur tal-programm, Jonathan Galea, u l-crew ħabrieka morna fil-lokalitajiet fejn iltqajna man-nies, smajniehom, kellimniehom u rringrazzjajniehom għall-appoġġ dejjiemi tagħhom lejn il-programm u l-Partit. Nirringrazzja lill-kumitati kollha tal-PL fil-lokalitajiet li żorna u lit-tmexxija ċentrali tal-Partit għall-fiduċja,” temm jgħidilna Stagno-Navarra dwar l-esperjenza tal-aħħar jiem.