Tlesta x-xogħol ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza Indipendenza fil-Belt Valletta, b’investiment ta’ tliet mija u ħamsin elf ewro, ko-finanzjati minn Fondi Ewropej.
Ix-xogħol sar mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, bħala parti mir-riġenerazzjoni ta’ Marsamxett.
Il-proġett inkluda, fost l-oħrajn, il-bini mill-ġdid tas-servizzi tad-dawl u l-ilma, it-tqegħid ta’ ħames charging pillars għall-vetturi elettriċi, u restawr fuq telephone box u letter box.
Dan ingħaqad ma’ elementi ta’ tisbiħ fil-proġett li nkludew madwar elf u tliet mitt metru kwadru ta’ pavimentar ġdid b’materjal tal-lava li jirrispetta l-wirt arkitettoniku tal-pjazza, li jikkumplimenta wkoll ir-restawr li sar fuq il-Berġa ta’ Aragona.
Iċ-Chairman tal-GHRC, Anthony Agius Decelis, irrefera għal aktar proġetti li għamlet il-GHRC b’investimenti varji.
Qal, “B’investiment li għamel il-Gvern u anki permezz ta’ Fondi Ewropej ġejna fil-konklużjoni ta’ dawn il-proġetti u issa din il-pjazza ħa terġa’ tingħata lura lill-poplu Malti biex ikun jista’ jgawdiha mal-ġmiel illi l-antentati tagħna ħallewlna fil-Belt Valletta.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, stqarr li minkejja li fadal l-aħħar ftit xogħol mill-programmi operattivi għas-snin 2014 sal-2020, ix-xogħol mistenni jissokta bil-programmi l-ġodda.
Stqarr, “Dak kollu li għamilna fil-Belt biex nirriġeneraw il-Belt se nkunu qed nirreplikawh issa ġewwa l-gżira ta’ Għawdex. Hija l-politika tal-Gvern illi Għawdex tingħata l-akbar importanza mill-Fondi Ewropej wara dak il-ġojjell li rranġajna s-sabiħ li għandna ġol-Belt issa se nirreplikawh propju fil-gżira Għawdxija.”
Il-Ministru għall-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, nnota kif b’dan ir-restawr kompla jittejjeb il-prodott li toffri l-Belt Valletta.
Qal, “Qegħdin naraw pjazza ġdida issa li għandha wirt arkettoniku u kulturali u allura se nkomplu intejbu din in-naħa tal-Belt Valletta, n-naħa t’isfel biex b’hekk il-Malti u r-resident turist ukoll japrezza aktar il-ġid kulturali li din il-pjazza toffri.”