L-għaqdiet volontarji issa għandhom pjattaforma pubblika u bla ħlas li permezz tagħha jistgħu jiġbru l-fondi għall-operat tagħhom. Dan sar possibbli permezz tal-pjattaforma diġitali ‘Simply Giving’, li tnediet mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet li fiha tħabbar dan is-sit elettroniku, intqal li preżentament hemm 1,775 għaqda rreġistrati mal-Uffiċċu tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarju. Minn issa, dawn kollha jistgħu jorganizzaw kampanji ta’ ġbir ta’ fondi permezz tas-sit.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li issa, il-qalb ġeneruża tal-poplu Malti tista’ jagħmel użu minn din il-pjattaforma sabiex tgħin numru ta’ għaqdiet volontarji.
Irrimarkat li din it-tnedija tikkonferma r-rieda tal-Gvern li jagħti valur lis-settur tal-volontarjat, flimkien mal-impenn sabiex dan is-settur ikun sostenibbli u stabbli.
“Dan il-Budget ta direzzjoni b’saħħitha ħafna lill-NGOs, u l-għaqdiet volontarji tagħna rridu nkomplu ngħinuhom, u din se tkun pjattaforma li tagħti dik l-imbuttatura meħtieġa lill-għaqdiet volontarji, speċjalment lil dawk żgħar.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, tkellem dwar kif se tkun qed taħdem din il-pjattaforma. Huwa qal li din se topera b’mod sigur u trasparenti, u se tagħti serħan il-moħħ lil kull min jagħti d-donazzjonijiet.
Ma’ ONE News huwa spjega l-proċess ta’ kif se taħdem din il-pjattaforma.
“F’24 siegħa nkunu rajna l-proġett li ppreżentaw, naraw li l-proġett huwa validu, anke bl-iskop tal-għaqda, u jitla’ online b’tali mod li huma, min-naħa tagħhom, jingħataw il-link biex ġaladarba jinfetaħ il-proġett, ikunu jistgħu jagħmluh fuq Facebook u websites tagħhom – kollox b’tali mod li jkunu jistgħu jippromwovu u l-pubbliku jkun jaf bihom, u jkun jista’ mhux direttament biss fis-sit, imma anke minn postijiet oħra, ikun jista’ jagħmel id-donazzjonijiet tiegħu.”
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Chairman tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Robert Farrugia, sejjaħ dan il-proġett bħala l-frott ta’ konsultazzjoni wiesgħa mas-settur, u stqarr li din il-pjattaforma se tindirizza l-isfidi tal-istess settur.