Tnediet pjattaforma diġitali ġdida li tagħti l-possibbiltà lill-bdiewa u r-raħħala biex ibigħu l-ħxejjex u l-frott tagħhom direttament, barra l-mekkaniżmu tradizzjonali tal-Pitkalija.
Din l-inizjattiva mhux biss toffri diversi benefiċċji lill-produtturi agrikoli lokali, iżda se tgħin ukoll lill-Aġenzija Maltija tal-Ikel biex tiġbor informazzjoni aktar kompleta, preċiża u affidabbli dwar x’qed jiġri f’dan is-settur kruċjali għall-ekonomija u s-soċjetà tagħna.
Il-pjattaforma hi konformi mal-Politika Nazzjonali tal-Agrikoltura, mal-Istrateġija għas-Sistema tal-Ikel Reżiljenti, kif ukoll mal-Viżjoni Malta 2050.

L-għan ewlieni tal-inizjattiva hu li tippromwovi mudell ta’ ktajjen qosra tal-provvista – fejn il-prodotti jgħaddu direttament mill-produttur għal għand il-konsumatur.
Dan il-mudell jiffaċilita l-aċċess għall-prodotti friski, jippromwovi l-ikel lokali u jnaqqas l-impatt ambjentali u, b’hekk, hu konformi mal-miri nazzjonali tas-sostenibbiltà.
Filwaqt li l-bejgħ li jsir mill-Pitkalija hu kompletament trasparenti u dokumentat, il-bejgħ dirett spiss ma jkunx irreġistrat bl-istess mod u, allura, joħloq nuqqas ta’ bilanċ fis-suq. Għalhekk, din il-pjattaforma se toħloq livell indaqs u ġust għall-partijiet kollha involuti.
Permezz tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel, il-pjattaforma se tiffaċilita l-ġbir ta’ dejta dwar il-piż u l-volum ta’ prodotti agrikoli mibjugħin u b’hekk se tipprovdi għodda prezzjuża biex jiġu analizzati ix-xejriet tas-suq, il-preferenzi tal-konsumatur u l-funzjoni tal-katina tal-provvista.
Din id-dejta se tkun ta’ għajnuna anke għat-tisħiħ ta’ strateġiji u deċiżjonijiet aktar effettivi, ittejjeb l-operat tal-bdiewa u r-raħħala u ssaħħaħ il-konformità mal-obbligi fiskali.
Minbarra dan, il-bdiewa u r-raħħala, li jagħmlu użu minn din il-pjattaforma se jkunu intitolati għar-rata mnaqqsa tat-taxxa ta’ 3%, l-istess kif diġà teżisti għall-bejgħ li jsir mill-Pitkalija. Din ir-rata ġiet estiża għall-prodotti agrikoli kollha li jinbiegħu permezz tal-aġenzija, kif stipulat fil-leġiżlazzjoni attwali.
Il-bejgħ fuq din il-pjattaforma se jkun suġġett għal kontrolli biex isiru l-verifiki meħtieġa u l-informazzjoni relevanti tkun komunikata mal-Kummissarju tat-Taxxi. Minbarra hekk, dan il-bejgħ se jkun suġġett ukoll għal kontribuzzjoni amministrattiva simili għal dik eżistenti fil-Pitkalija.
Il-Ministru responsabbli Anton Refalo spjega li jemmen bis-sħiħ li din il-pjattaforma se tkun għodda essenzjali għall-bdiewa u r-raħħala, waqt li se tgħinhom igawdu minn benefiċċji fiskali u tnaqqas id-diskrepanza bejn il-bejgħ formali u dak mhux regolamentat.