F’waħda mit-30 kumpaniji li bħalissa qed jaħdmu miċ-Ċentru tal-Inkubazzjoni għall-Intrapriżi f’Kordin qed tiġi żviluppata idea li se tbiddel il-mod kif isir it-tagħlim fis-settur tal-avjazzjoni.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ Raven, Kristian Farrugia, li bħala inġinier u pilota t’esperjenza flimkien mas-sieħeb kummerċjali tiegħu spjegalna kif qed jiżviluppaw kunċett ta’ tagħlim differenti mill-modi konvenzjonali, biex b’hekk isir aktar interattiv u aċċessibbli fuq pjattaforma diġitali.
Huwa spjega: “Raven oriġinat ħafna qabel il-COVID, imma ovvjament bil-COVID qed nindunaw li d-dinja tal-avjazzjoni u aktar u aktar id-dinja tal-edukazzjoni inbidlet, dak li rridu nagħmlu. Irridu noffru portal u platform u digital enviroment fejn in-nies ikunu jistgħu jinteraġixxu f’din id-dinja ġdida ta’ wara l-COVID.”
Is-Sur Farrugia spjega li jeħtieġ titjib fl-esperjenza edukattiva f’settur importanti ħafna għall-pajjiżna.
Huwa sostna: “Minħabba f’hekk ħa noħolqu portal fejn l-ewwel ħaġa jkun aċċessibbli ħafna aktar, jiġifieri nżidu l-aċċessibilità industry wide lil kulħadd. Jiġifieri mhux biss piloti imma inġiniera, air traffic controllers, nies li jgħabbu l-bagalji, tobba li jiffirmaw iċ-ċertifikati, nies fil-management tal-avjazzjoni, across the board.”
Intant, il-Malta Enterprise u Ċentru tal-Inkubazzjoni għall-Intrapriżi f’Kordin qed joffru spazju sabiex fil-perjodu inizjali, kumpaniji jkunu jistgħu jiżviluppaw l-idea tagħhom u għalhekk id-dħul, li fil-bidu jkun limitat, jintuża speċifikament biex tikber il-kumpanija.
Is-Sur Farrugia sostna: “Il-Malta Enterprise u l-KBIC għenuna f’dan ir-rigward. Biex aħna nkunu nistgħu noffru kontenut li huwa interattiv u aċċessibbli għal kulħadd għandna bżonn ovvjament ngħinu lill-providers tagħna biex nimbuttawhom u nimpruvjaw il-kontenut tagħhom u minħabba dak għandna bżonn area fejn inkunu jistgħu jirrekordjaw dan il-kontenut.”
Intant, fix-xhur li ġejjin, il-kumpanija Raven mistennija tibda timpjega lin-nies.