Id-Dipartiment tal-Fiżjoloġija u l-Biokimika u d-Dipartiment tal-Anatomija fi ħdan il-Fakultà tal-Mediċina bħalissa għaddejin bi studju dwar trattament ġdid tal-lukimja.
Dan tħabbar waqt żjara mill-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni Owen Bonniċi fil-laboratorji tal-Fakultà tal-Mediċina fl-Università ta’ Malta.
Fil-fatt, waqt din iż-żjara, ġie spjegat kif Agent Novobio, proġett iffinanzjat mill-programm tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, qed jirriċerka l-użu ta’ diversi aġenti bioattivi estratti minn pjanti endemiċi Maltin għal trattamenti potenzjali ġodda kontra l-lukimja.
Dwar dan il-proġett li qed isir ukoll flimkien ma’ Għajn Rasul Co. Ltd tkellimna mal-koordinattriċi Dr Marion Zammit Mangion hekk kif spjegat il-proċess ta’ purifikazzjoni minn pjanti endemiċi biex jikkumbattu u jfejqu ċ-ċelloli morda.
Qalet, “Bħalissa għandna qisu erbgħa minn dawn is-sustanzi li rnexxielna nippurifikaw u qed naraw li meta nżiduhom ma’ dawn iċ-ċelloli tal-Lukimja ġol-laboratorju qed naraw li jġegħlu dawn iċ-ċelloli jirritornaw għan-normal jiġifieri they become healthy once again.”
Spjegat ukoll il-kuntrast ma’ trattament bħal dak tal-kimoterapija fejn joqtol mhux biss iċ-ċelloli l-ħżiena iżda anke t-tajbin.
Staqsejna wkoll lil Dr Zammit Mangion x’tip ta’ pjanti endemiċi qed jintużaw.
Spjegat, “Qed nużaw a range però l-iktar li kellna riżultati sbieħ kienu minn żjut ta’ pjanti Maltin indiġeni bħaż-Żebbuġa.”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici faħħar ix-xogħol imprezzabbli ta’ dan it-tim Malti li qed jistudja prodott li jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Qal, “Nemmnu b’mod konvinċenti ħafna li meta żżewweġ it-talent flimkien mal-qasam privat u l-finanzjament minn fondi għar-riċerka jistgħu joħolqu prodotti u soluzzjonijiet li jagħmlu differenza mhux biss ekonomika imma anke fil-kwalità tal-ħajja tan-nies li eventwalment jikkunsmaw dan il-prodott.”