Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li tressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar il-pjanti aġġornati tas-Central Link Project, wara sensiela ta’ laqgħat ta’ diskussjoni ma’ individwi, għaqdiet u entitajiet interessati f’dan il-proġett.
Il-Ministru ddeskriva l-proġett bħala wieħed ta’ importanza nazzjonali minħabba li se jkun qiegħed jegħleb il-problema tal-konġestjoni u t-traffiku fiċ-ċentru ta’ Malta; problema li ilha mal-pajjiż għal snin twal, tant li kienet anke ikkunsidrata fil-pjanijiet lokali tal-2006. Madanakollu, s’issa ma kien sar xejn, qal il-Ministru, u kellha tkun l-amministrazzjoni preżenti li tagħti bidu għal dan il-proġett. Huwa saħaq li huwa ħa din id-deċiżjoni għax hija waħda li hemm bżonnha, speċjalment fil-ħidma tal-Gvern favur it-titjib tal-livell ta’ għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi.
Rigward il-pjanijiet, Borg qal li l-pjanijiet preliminari kienu diġà raw titjib mill-pjanijiet tal-2006 fejn per eżempju minflok bypass ta’ erba’ jew sitt korsiji kif hemm indikat fil-Pjan Lokali, is-Central Link Project għandu disinn differenti sabiex din it-triq ġdida tkun tista’ ssir b’ żewġ korsiji biss. B’hekk, filwaqt li tittieħed inqas art agrikola, xorta waħda jkollna l-infrastruttura li tnaqqas id-dewmien, tnaqqas it-tniġġis tal-arja u tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-lum u tal-futur. Huwa qal li l-pjan ta’ dan il-proġett ikompli jtejjeb ukoll fuq il-proposti tal-Pjan Lokali billi ser jibni mill-ġdid u jneħħi d-diffikultajiet f’rotta itwal, jiġifieri mill-bypass tal-Imrieħel sar-roundabout tat-telgħa tas-Saqqajja – b’hekk ser niksbu infrastruttura ta’ kwalità li taqdi ferm aktar lokalitajiet, u li minnha ser igawdu ħafna aktar persuni li jużaw it-toroq u ħafna aktar familji li jgħixu fl-inħawi.
Il-Ministru tenna li minkejja li l-konsultazzjoni pubblika li tiskatta min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar bdiet uffiċjalment l-Erbgħa, minn meta tħabbar il-proġett ftit xhur ilu, il-Ministeru u l-entitajiet konċernati, fosthom Infrastructure Malta, xorta waħda ħadu l-inizjattiva li jiltaqgħu ma’ dawk li kellhom suġġerimenti jew tħassib dwar dan il-proġett. B’hekk anke qabel ma ġew sottomessi l-pjanti finali, diġà ddaħħlu diversi tibdiliet u faċilitajiet addizzjonali li ġew proposti mill-pubbliku fl-aħħar ġimgħat. Huwa spjega kif dan il-proġett ġie anke diskuss fil-Parlament, turija tal-politika li qiegħda tiġi mħaddna, fejn il-Gvern lest jisma’ lin-nies u lest ibiddel meta s-suġġerimenti li jsiru verament ikunu ser iwasslu għal aktar benefiċċji għal pajjiżna. Il-Ministru fakkar kif barra minn din il-konsultazzjoni fil-Parlament, Infrastructure Malta ltaqgħet ukoll ma’ diversi gruppi ta’ nies, fosthom residenti, għaqdiet, awtoritajiet u kunsilli lokali biex tqis il-fehmiet u l-proposti tagħhom fuq dan il-proġett daqstant importanti.
Borg spjega li permezz tat-titjib li sar fil-pjanijiet, issa se nkunu qegħdin naraw żieda qawwija fil-faċilitajiet għall-ivvjaġġar b’mezzi alternattivi, fosthom żieda ta’ 280% fil-korsiji għar-roti u żewġ mini ġodda biex dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota jkunu jistgħu jaqsmu t-toroq arterjali b’mod sikur. Dawn il-mini ġodda jingħaqdu ma’ pont li diġà kien ikluż fil-pjanti fix-xhur li għaddew, u li minnu ser ikunu jistgħu jaqsmu dawk li jkunu jridu jaqsmu Triq l-Imdina bil-mixi jew bir-roti fl-inħawi tal-ġonna ta’ San Anton. Is-Central Link Project jinkludi wkoll il-bini ta’ aktar minn 10 kilometri ta’ bankini u passaġġi tal-mixi ġodda. Dan ifisser li l-proġett se jkun qiegħed iħajjar aktar nies biex jużaw mezzi alternattivi wkoll.
Il-Ministru spjega kif ittieħdu wkoll passi oħra, miżjuda fuq dawk li diġà kienu se jittieħdu, fuq aspett ambjentali, u wara li nstemgħu wkoll għaqdiet ambjentali u saru diskussjonijiet mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, kompla jiżdied l-ammont ta’ siġar li se jitħawlu. Huwa qal se jitħawlu 700 siġra ġdida ta’ speċi indiġeni Maltin, u żied jgħid li se jkunu qegħdin jiżdiedu wkoll iż-żoni ta’ siġar u pjanti oħra favur titjib tal-ambjent tal-madwar. B’hekk, meta jitlesta l-proġett, f’dawn l-inħawi ser ikun hemm madwar 550 siġra aktar milli hemm llum.
L-Inġinier Fredrick Azzopardi, li qed imexxi Infrastructure Malta, spjega kif is-Central Link Project jikkonsisti fil-bini mill-ġdid ta’ diversi toroq ewlenin fiċ-ċentru tal-pajjiż, sabiex jonqos bin-nofs (50%) il-ħin tal-ivvjaġġar fir-rotta ewlenija bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard, Ta’ Qali, Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat u l-Mosta, waqt li titjieb il-kwalità tal-arja fl-inħawi residenzjali ta’ dawn il-lokalitajiet. Il-proġett jinkludi disinn u bini mill-ġdid ta’ din ir-rotta ta’ 4.3 kilometri sabiex fiha jiżdiedu madwar 7.4 kilometri ta’ korsiji ġodda, titjieb l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ 13-il junction f’dawn it-toroq, waqt li jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights li bħalissa qed jikkawżaw diffikultajiet fl-ivjaġġar f’dawn l-inħawi.
Fost l-istudji li qed isiru bħala parti mit-tħejjija għal dan l-investiment, sar magħruf li l-proġett se jwassal għal titjib ta’ madwar 13% fil-kwalità tal-arja fl-inħawi ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara, bi tnaqqis kbir fl-emissjonijiet tal-vetturi li bħalissa jqattgħu aktar ħin fl-inħawi mwaħħlin fit-traffiku. Fost oħrajn, il-proġett se jwassal għal tnaqqis ta’ 13% fl-emissjonijiet tat-trabijiet fini (particulate matter), 16% fl-emissjonijiet tad-diossidju tan-nitroġenu (nitrogen dioxide) u 67% fl-emissjonijiet tal-volatile organic compounds. Dawn l-emissjonijiet jikkawżaw diversi diffikultajiet tas-saħħa u oħrajn ambjentali. Fl-istess waqt, l-emissjonijiet tad-diossidju tal-karbonju, li jikkawżaw it-tibdil fil-klima, mistennija jonqsu sa tunnellata fis-siegħa.
L-Inġinier Azzopardi spjega kif punt ieħor pożittiv mill-mod ta’ kif il-pjanijiet ġew emendati huwa li għall-ewwel darba fi proġetti ta’ dan it-tip, Infrastructure Malta se tidħol fi ftehim mal-kuntratturi sabiex is-siġar ġodda mhux biss jitħawlu iżda jibqgħu jingħataw l-attenzjoni u t-tisqija meħtieġa għal diversi snin, sabiex jiġi aċċertat li jkunu qabdu sew u integraw fil-post b’mod naturali. Jekk is-siġar ġodda għal xi raġuni jew oħra jmutu, jiġu mibdula b’oħrajn bħalhom mill-ewwel.
Il-Ministru Ian Borg esprima l-konvinzjoni tiegħu dwar il-bżonn ta’ dan il-proġett u qal li filwaqt li huwa sema’ l-leħen ta’ dawk in-nies li seta’ kellhom xi riservi fuqu, jinsab kommess li tkompli l-ħidma sabiex il-proġett jitwettaq għal dawk l-eluf ta’ nies li ilhom ibatu l-konsegwenzi tal-problemi ta’ dawn l-inħawi għal għexieren ta’ snin u jixtiequ jaraw titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom. “Inħarsu ’l quddiem biex issa nibdew nimplimentaw il-proġett biex barra li jgawdu minnu r-residenti fl-inħawi ta’ Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, dan il-proġett ikun anke ta’ benefiċċju għal 30,000 persuna oħra li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi ta’ kuljum,” għalaq il-Ministru.