Heritage Malta nediet strateġiji differenti għall-bliet ewlenin ta’ pajjiżna li raw u għexu wħud mill-akbar ġrajjiet li seħħew f’pajjiżna.
F’konferenza tal-aħbarijiet propju fil-ġimgħa ddedikata għas-servizz pubbliku, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar saħaq li min irid ikun jaf fuq l-istorja ta’ pajjiżna u l-Beltin ma jistax ma jżurx il-kapitali ta’ pajjiżna.
Min-naħa l-oħra dwar l-istorja tal-ħajja soċjali ta’ dan il-poplu li qed jiċċelebra ħamsa u ħamsin sena ta’ Malta indipendenti jrid iżur il-Kottonera.
Fil-Belt Valletta hemm tliet proġetti mħejjija fosthom esebizzjoni dwar il-ħajja vibranti u l-arkitettura storika ġewwa ċ-ċentru ta’ interpretazzjoni għall-fortifikazzjonijiet iżda mhux biss.
Iċ-ċisterni u t-toroq ta’ taħt il-Belt se jinfetħu għall-pubbliku.
“Hija esperjenza unika, esperjenza li wieħed jieħu gost idurha. Għandek interventi, binjiet ta’ Kavallieri, interventi mill-Ingliżi, interventi mill-Maltin, l-effetti tal-gwerra, kif kienu jintuża xelters, għandek esperjenza li ma tinsihiex. Magħhom hemm ukoll il-Main Guard, il-Main Guard li se tkun esperjenza sabiħa ħafna li permezz tagħha tkun visitors centre tal-Belt Valletta u tal-istorja ta’ Malta kif inhi.”
Ta’ kull sena eluf ta’ persuni jżuru s-siti storiċi taħt ir-responsabilità ta’ Heritage Malta.
Heritage Malta qalet li dan qed iwassal biex iżżid l-aċċessibilità lejn dawn is-siti u l-iskema tal-passaporti kienet waħda suċċess.
“Nofs il-viżitaturi taħt l-iskema tal-passaporti huma tfal”, saħqet Heritage Malta.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet f’Sant’Anġlu ntqal li din l-organizazzjoni se tagħti minn tibdil fosthom fuq il-wiċċ tagħha biex tkompli toffri mhux biss ħarsien tal-patrimonju Malti iżda tagħti viżibilità lill-identità Maltija.