Waqt żjara fiċ-Ċittadella, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li flimkien mal-kumitat għat-tmexxija tal-proġett, qed tevalwa l-progress li sar f’dan il-proġett u l-ġejjieni tiegħu.
“Dan hu proġett għal qalb ħafna l-Għawdxin u għal eluf ta’ Maltin u ta’ barranin li jżuruh biex jammiraw il-kobor storiku u patrimonjali tiegħu, kif ukoll ix-xogħol professjonali li sar biex jiġi restawrat u ppreservat għall-glorja oriġinali tiegħu”, qalet il-Ministru Justyne Caruana.
Il-Ministru segwiet ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa inkluż ix-xogħol mill-ħaddiema taċ-‘Ċittadella Scheme’ li qed jieħdu t-taħriġ neċessarju. Qalet li għaddejjin ukoll diskussjonijiet biex dan il-proġett jikber u jiżviluppa fil-qafas rikk tal-wirt storiku u kulturali Għawdxi.
F’intervista minn Ellen Hidding li tippreżenta l-programm Melaverde fuq Canale 5, il-Ministru Caruana fissret il-kobor tal-patrimonju storiku u ambjentali ta’ Għawdex bħala wieħed uniku. Matul il-programm ixxandru xeni spettakolari taċ-Ċittadella u tal-pajsaġġ pittoresk tal-gżira Għawdxija.