L-aġenzija Project Green qed jippjana li tagħti ħajja ġdida lil żona ta’ aktar minn elfejn u erba’ mitt metru kwadru fil-grawnds tal-Iskola Sekondarja tal-Ħamrun bħala parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca. Dan bil-għan li jipprovdi spazju miftuħ aħdar għall-istudenti u l-komunità taż-żona.
L-aġenzija kkonsultat lill-komunità, inkluż lill-istudenti u l-edukaturi tal-iskola u anke r-residenti għal dan l-ispazju miftuħ ġdid.
Project Green qed tipproponi spazju miftuħ li jinkorpora ġnien, btieħi, razzett żgħir, korsa tal-ostakli u ġibjun, fost oħrajn.
Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija, Steve Ellul, enfasizza li l-għan tal-proġett hu li jinħoloq spazju miftuħ li jitgawda minn kulħadd.
“Proġett importanti li hu magħmul fi skola, però fl-istess ħin se jkun miftuħ, imbagħad, għall-komunità Ħamruniża, xi ħaġa li hi importanti għalina. Kollaborazzjoni ta’ Project Green, kemm mal-Università ta’ Malta, mal-Institute of Climate Change, kif ukoll l-HSBC, flimkien se jirnexxielna nagħmlu mhux biss ir-riċerka, imma ntellqu dan il-proġett importanti li ħa jkun importanti għall-komunità Ħamruniża.”
Il-Kap tal-Kulleġġ George Galea faħħar l-isforz kollettiv biex jiġi pprovdut ambjent sigur u li jgħin lill-istudenti jilħqu l-potenzjal tagħhom.
“Żvolġa l-idea tiegħu s-sena l-oħra, meta konna qed nitkellmu mal-istudenti u hemmhekk rajna li l-istudenti wrew ix-xewqa li nagħmlu proġett ġdid f’area li ma tantx tintuża mill-iskola.”
Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun jappoġġja wkoll dan il-proġett fil-qalba tal-komunità.
“Bħala Kunsill Lokali tal-Ħamrun nilqgħu dan il-proġett. Proġett li ħa jkompli joħloq spazji ġodda fil-Ħamrun, spazju li se jintuża kemm minn nies li jiġu l-Ħamrun u l-Ħamruniżi.”