Il-Partit Konservattiv fir-Renju Unit se jibda l-proċess għal elezzjoni interna, li se jtul fuq tliet xhur, biex jagħżlu mexxej ġdid minflok l-eks Prim Ministru Rishi Sunak.
Dan wara li l-Partit Laburista, fir-Renju Unit, rebaħ l-elezzjoni ġenerali fil-bidu ta’ dan ix-xahar, waqt li l-Konservattivi ġarrbu l-akbar telfa fl-istorja.
Il-ħatra ta’ kap ġdid se tiġi fi tmiemha fit-2 ta’ Novembru, bin-nominazzjonijiet jiftħu għada u l-kandidati jeħtieġu l-appoġġ ta’ mill-inqas għaxar deputati biex jilħqu l-ewwel stadju ta’ votazzjoni.
Id-deputati, imbagħad, iridu jagħżlu erba’ kandidati, li se jkollhom l-opportunità li jitkellmu mal-membri tal-Partit fil-konferenza ġenerali, li tibda fid-29 ta’ Settembru.
Din l-għażla, imbagħad, tinżel għal bejn tnejn, wara vot mill-membri Parlamentari Konservattivi.
Il-mexxej, finalment jintagħżel mill-membri kollha tal-Partit, permezz ta’ vot onlajn.
Mel Stride, li kien wieħed minn dawk l-aktar qrib ta’ Sunak, u li għandu postu wkoll fix-shadow cabinet, qal li se jikkunsidra li jitfa’ ismu f’din it-tellieqa.