L-istatistika turi li Transport Malta żiedet il-ħidma tagħha biex tnaqqas l-abbuż fejn jidħlu karozzi bi pjanċi barranin. Fil-fatt, bejn Marzu tal-2013 u Frar ta’ din is-sena ġew irmunkati 281 karozza bi pjanċi barranin li kienu qed jiksru r-regolamenti.
Fl-2013 ġew irmunkati 34 vettura. Dawn telgħu għal 59 fl-2014. Fl-2015 ġew irmunkati tlettax.
L-isforz ta’ Transport Malta deher evidenti fl-2016, fejn ġew irmunkati mija u 32 vettura, u din is-sena, f’xahrejn biss diġà ġew irmunkati 43 vettura bi pjanċi barranin.
Fil-Parlament, il-Ministru Joe Mizzi nnota li vetturi reġistrati f’pajjiż ieħor jistgħu jiċċirkolaw fi stati membri tal-Unjoni Ewropea b’mod temporanju għal perjodu konsekuttiv li ma jaqbiżx seba’ xhur f’perjodu ta’ tnax-il xahar.
Il-Gvern innota però li r-realtà ta’ karozzi bi pjanċi barranin kienet waħda problematika, u ttieħdu numru ta’ miżuri fosthom żieda konsiderevoli fin-numru ta’ spezzjonijiet fit-toroq.
Barra minn hekk, mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena, il-vetturi kollha użati impurtati għandhom bżonn permess ta’ tletin ġurnata biex isuqu vettura f’Malta. Tletin jum permess biex jirreġistraw l-istess karozzi. Vetturi li jkunu mingħajr dan il-permessi jiġu rmunkati.
Għaddejjin ukoll diskussjonijiet interni u ma’ numru ta’ entitajiet biex jiżdiedu l-isforzi u jkun hemm iktar kontroll fuq dawn it-tip ta’ vetturi.