Qed ikun studjat kif jistgħu jitwessgħu s-servizzi tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi. Dan tħabbar waqt ċerimonja li kkommemorat l-20 sena anniversarju mill-bidu tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana spjegat kif din il-fondazzjoni u s-servizzi li toffri qed ikollha rwol fundamentali mhux biss fl-iżvilupp tat-tfal Maltin u Għawdxin iżda qed tkun ukoll ta’ għajnuna għall-ġenituri li jaħdmu. Qalet kif issa l-pass li jmiss huwa li dawn is-servizzi jkomplu jkunu msaħħa.
Qalet, “Għaddejjin pjanijiet illi huma fi stadju avvanzat ħafna biex inkomplu nestendu s-servizzi tagħna, ovjament qed nitkellem fuq iċ-ċentri tal-Gvern, u allura ħinijiet itwal, ġranet ukoll differenti biex nindirizzaw il-ħajja lavorattiva, il-ħajja tax-xogħol, il-ħinijiet tax-xogħol differenti li għandhom il-familji tagħna u allura aħna bħala fondazzjoni rridu naraw kif nindirizzawhom.”
Hija spjegat ukoll kif mistenni jkun imniedi dokument ieħor għall-istandards f’ċentri ta’ ħarsien.
Is-Segretarju Permanenti Frank Fabri stqarr kif f’dawn l-aħħar erba’ snin rajna suċċessi kbar f’din il-fondazzjoni, b’din is-sena ikun hemm żieda ta’ 50% fil-budget allokat għal-servizzi edukattivi. Huwa nnota wkoll kif dan is-Sajf għalkemm kien wieħed f’nofs pandemija, Skola Sajf rat rekord ta’ 12,000 tifel u tifla li attendew f’Sajf wieħed.
Ic-chairperson tal-FES Pamela Schembri wkoll tat ħarsa lura b’sodisfazzjon lejn ix-xogħol li wettqet din il-fondazzjoni tul l-għoxrin sena tagħha mit-twaqqif.
Waqt iċ-ċelebrazzjoni ingħatat ukoll kommemorazzjoni lil numru ta’ ħaddiema tal-Fondazzjoni li għal dawn l-aħħar snin kienu ta’ servizz għall-istudenti u l-ġenituri Maltin u Għawdxin.