Volunteer Sliema huwa ftehim innovattiv bejn SOS Malta u Core Platform, appoġjat mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u l-isptar Capua.
Huwa partnership lokali bil-għan li l-komunità tirrispondi għall-bżonnijiet tal-anzjani fis-soċjetà. B’hekk tonqos l-eklużjoni.
Dan se jkun proġett li jimmarka l-25 sena ta’ SOS Malta. Se jara li anzjani u nies b’diżabiltà fiżika jħossuhom aktar kapaċi jaċċessaw servizzi tas-saħħa u servizzi essenzjali oħra, filwaqt li jipparteċipaw fil-komunità. Se jkun offrut ukoll appoġġ morali permezz ta’ network maħluqa apposta.
Il-voluntiera ta’ VolServ u Tal-Kultura (il-programm ta’ voluntier ta’ Valletta 2018) se jingħaqdu, li tfisser madwar 500 voluntier se jiġu flimkien. Se jużaw il-karozza ta’ SOS Malta u l-esperjenza akkumulata tul is-snin. Il-proġett li se jsir f’Tas-Sliema, u jinvolvi tliet elementi; l-iżvilupp ta’ network ta’ bejn 20 u 30 voluntiera li joffru appoġġ lill-anzjani, l-żvilupp ta’ sistema ta’ trasport komunitarju għall-anzjani u dawk b’diżabiltà, u l-iżvilupp ta’ network ta’ stakeholders li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-iskema.