Iż-żona tal-Port il-Kbir, matul il-kosta tal-Marsa se jkollha viżjoni strateġika ġdida.
Minħabba l-pożizzjoni strateġika tagħha, din iż-żona f’dawn l-aħħar snin ġiet industrijalizzata sabiex isservi fost oħrajn ta’ tarzna u post ta’ tiswijiet, ġenerazzjoni tal-elettriku u ħażna tal-fjuwil.
Riżultat ta’ dan, iż-żoni urbani ta’ dawn l-inħawi ddeterjoraw.
L-għan ta’ din l-istrateġija hija mmirata biex titnaqqas l-industrijalizzazzjoni żejda fost oħrajn sabiex din iż-żona tkun tista’ tiġbed it-turisti u jkun hemm spazji miftuħa.
Hemm il-ħsieb ukoll li ż-żona t’Albert Town tinbidel f’ċentru t’innovazzjoni li fih jaħdmu wkoll numru ta’ start-ups.
L-Awtorità qalet li l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni pubblika fuq dan il-pjan tagħlaq fil-15 ta’ Jannar li ġej.