Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma nediet pjan ta’ tmienja u disgħin azzjoni għat-tliet snin li ġejjin. Dan b’investiment ta’ mija u sittax-il miljun ewro. Il-Ministru għall-Enerġija u l-immaniġjar tal-ilma, Michael Farrugia spjega kif dan il-pjan ser iwassal sabiex il-Korporazzjoni tilħaq livelli bla preċedent b’għanijiet stabbiliti.
Spjega li, “L-ewwel għan huwa illi ntejbu l-‘management’, illi ntejbu l-mod kif naħdmu. It-tieni, rridu nħarsu lejn innovazzjoni. It-tielet, illi ntejbu l-kwalitá tal-ilma u s-servizz li jasal, illi nassiguraw illi ma jkunx hemm tniġġis min-naħa tad-drenaġġ u li d-drenaġġ ikun hemm it-third plus water biex fl-aħħar mill-aħħar bil-proċess illi nħaffu, inkunu nistgħu nwasslu ilma tajjeb lill-bdiewa għat-tisqija.”
Huwa spjega li dan il-pjan jirrifletti xogħol li ser ikun qed jitwettaq mit-tmien direttorati tal-korporazzjoni. Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr kif dawn il-proġetti qed jiġu ffinanzjati b’tnejn u disgħin miljun ewro li ġejjin mill-programm ta’ fondi Ewropej.
Qal li, “ Mill-programm attwali l-korporazzjoni bbenefikat minn somma ta’ tnejn u disgħin miljun ewro illi dawn il-fondi marru biex jintlaħqu miri importanti, fosthom biex tissaħħaħ l-infrastruttura, insaħħu l-provvista tal-ilma kif ukoll il-kwalitá tal-ilma, apparti li hemm proġetti wkoll relatati mar-riċiklaġġ tad-drenaġġ.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Ivan Falzon spjega kif fost il-proġetti fil-pjan, hemm żieda fil-kapaċità tar-Reverse Osmosis b’52% sas-sena 2023, titjib tal-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f’Taċ-Ċumnija, twissija awtomatika ta’ tbattil tal-fossos tad-drenaġġ u tibdil ta’ 50 kilometru ta’ networks marbuta mal-ilma. Dan filwaqt li ser ikunu installati pannelli fotovoltajiċi fuq is-soqfa kollha tal-korporazzjoni, b’total ta’ 10,000 metru kwadru.