Tul dawn l-aħħar jiem Malta ospitat konferenza tal-ogħla livell dwar is-sajd sostenibbli fuq skala iżgħar fil-Mediterran u l-Baħar Iswed . Dan sar sabiex ikun imħares l-interess tas-sajjieda ż-żgħar li f’Malta jagħmlu l-maġġoranza assolut tas-sajjieda.
Malta kienet il-pajjiż li laqgħet il-pajjiżi kollha ta’ madwar il-Mediterran, pajjiżi Ewropej kif ukoll dawk li ġejjin mill-Afrika li huma pajjiżi li jmissu mal-Mediterran. Dan sabiex niddiskutu is-sajjieda ż-żgħar li malta irridu ngħidu, dawn is-sajjieda jagħmlu għal 93% tas-sajjieda kollha.
Fi tmiem il-konferenza ġie iffirmat pjan ta’ azzjoni reġjonali dwar is-sajd artiġġjanali li ħa jidħol fis-seħħ tul l-għaxar snin li ġejjin. Il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella spjega kif dan il-pjan huwa importanti ħafna għal dan ir-reġjun għax għandu sfidi partikolari.
“Għall-ewwel darba qed nagħmlu pjan għal dan ir-reġjun fejn ikommettew ruħhom il-pajjiżi kollha tal-Mediterran. X’ser jindirizza dan il-pjan? L-ewwelnett il-pjan qed jindirizza l-aspett bijoloġiku tal-ħut, kif ser nagħmlu biex insaħħu il-ħut ma jispiċċax, ma jinqeridx”.
Minbarra l-aspett ekoloġiku, dan il-pjan qed jgħin lis-sajjieda mill-aspett ekonomiku u dak soċjali.
“Qed iħares lejn l-aspett ekonomiku kif ser ngħinu lis-sajjied jagħmel aktar profit mill-qabda tiegħu billi nżidu l-added value u billi ngħinuh il-kwalità tal-ħut iżommha tajba u t-tieliet qed inħarsu wkoll lejn l-aspett soċjali”.
Intant, kelliema għall-Kummissjoni tas-Sajd fil-Mediterran u l-WWF esprimew is-sodisfazzjon tagħhom lejn il-fatt li bis-saħħa ta’ Malta dan il-pjan seta’ jiġi iffirmat, li huwa l-ewwel ftehim li sar b’mod reġjonali. Huma saħqu li l-pass li jmiss huwa li jaraw li dan il-pjan jiġi implimentat mill-Istati Membri.