Fid-dawl tal-fatt li, fl-aħħar sentejn, żdiedet il-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan, ġiet varata skema ta’ għajnuna lis-settur agrikolu.
Dan is-settur sofra danni minħabba l-bagħal taż-żunżan, li huwa ta’ detriment fuq il-popolazzjoni tan-naħal f’pajjiżna.
Din l-iskema ta’ għajnuna se tipprovdi informazzjoni lin-naħħala, kif ukoll tgħinhom jixtru t-tagħmir u jkopru d-danni li ġarrbu.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, spjega li l-għajnuna se tkun maqsuma fuq żewġ binarji.
Qal, “L-għajnuna tagħna hija bbażata fuq żewġ binarji. L-ewwel nett, se nagħmlu kampanja informattiva, u t-tieni binarju hija li nagħtu kumpens lil dawk li jħobbu n-naħal, minħabba t-telf tal-kolonji tan-naħal li sofrew, kif ukoll biex dawn jagħmlu trappola li biha jkunu jistgħu jaqbdu l-bagħal taż-żunżan.”
Id-Direttur għall-Agrikoltura, Marco Dimech, spjega kif din l-għajnuna finanzjarja se tkun qiegħda tingħata permezz ta’ applikazzjoni mingħand in-naħħala reġistrati. Fil-jiem li ġejjin id-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji se jkun qed jibgħat l-applikazzjoni direttament lin-naħħala.
Huwa qal li d-Direttorat identifika bosta esperti minn madwar il-Mediterran, sabiex jgħarrfu lin-naħħala dwar din l-ispeċi.
Qal, “L-insett, li jagħmel, bħal ħafna insetti oħra, li fix-xitwa jkun dormant, imbagħad jerġa’ jibda jirripproduċi fir-rebbiegħa, u li jibda jipproduċi hija r-Reġina. Issa r-Reġina tibda ddur biex tara fejn se tagħmel il-bejta tagħha, għall-ħabta ta’ Marzu, flok it-temp, imma fir-Rebbiegħa, u nafu li kull Reġina tipproduċi sa madwar elf bagħal taż-żunżan ieħor. Jiġifieri jekk jirnexxielna naqbdu l-irġejjen fir-rebbiegħa, inkunu qtajna elf insett li huwa ta’ detriment għall-agrikoltura fis-sajf.”
Din l-iskema, għalhekk, se tagħti l-opportunità lin-naħħala li jinvestu f’tagħmir meħtieġ sabiex jinqabdu kemm jista’ jkun irġejjen u b’hekk tonqos il-popolazzjoni tagħhom.
L-għajnuna hija ta’ għaxar ewro kull kaxxa, għal kull kolonja ta’ naħal, u huwa rrakkomandat li jkun hemm mill-inqas nasba għal kull għaxar kolonji.
Il-Ministru Anton Refalo appella wkoll sabiex il-poplu jagħti l-kontribut tiegħu billi jara li l-borża tal-iskart organiku tkun mgħottija, filwaqt li ikel tal-annimali li mhux solidu jitgħatta u ma jingħatax b’mod eċċessiv.
Huwa ħabbar li, fil-ġimgħat li ġejjin, se titnieda wkoll kampanja ta’ informazzjoni għall-pubbliku biex tiġi kkontrollata din l-ispeċi.