Fil-Baġit li għadda tħabbret miżura li permezz tagħha l-Kunsilli Lokali setgħu japplikaw għal fondi sabiex il-proġetti infrastrutturali maġġuri mwettqa mill-Gvern Ċentrali jkunu jistgħu jinżammu fi stat tajjeb u jagħmlu l-manutenzjoni meħtieġa tal-proġett imsemmi.
Dawk il-Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn xi proġett mis-sena 2017 ‘il quddiem setgħu japplikaw għal dan il-fond. B’kollox kienu eliġibbli 4 Kunsilli Lokali – dawk tal-Imdina, tas-Siggiewi, ta’ Raħal Ġdid u ta’ San Lawrenz. Il-fond totali allokat huwa dak ta’ €81,427.08.
“Huwa grazzi għal dawn it-tip ta’ inizjattivi li aħna nistgħu ninvestu fil-lokalitajiet tagħna, u permezz tagħhom qegħdin nagħtu lill-Kunsilli Lokali tagħna l-għodod apposta biex ikomplu jsaħħu u jtejbu l-lokalitajiet tagħna, għal benefiċċju tal-komunità,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
“Bħala parti mill-istrateġija tagħna, aħna dejjem naħdmu biex nipprovdu l-aħjar kwalità ta’ ħajja għaċ-ċittadini tagħna, u dan huwa possibbli grazzi għar-realizzazzjoni ta’ proġetti ta’ din is-sura. Dan huwa eżempju ieħor tas-sinerġija li tinsab bejn il-Gvern lokali u l-Gvern ċentrali,” kompla jgħid Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis tenna li dan huwa eżempju ieħor ta’ għaqda bejn il-Gvern Ċentrali u l-Gvern Lokali. Il-Gvern preżenti jemmen b’mod sħiħ fil-Gvern Lokali u l-assistenza li qed tingħatalhom flimkien mar-riforma li qed issir fi ħdan il-Gvern Lokali huma xhieda ta’ dan.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis fakkar li fil-baġit li għadda l-fond globali għall-Gvern Lokali kien dak ta’ €53 miljun, il-Kunsilli Reġjonali ngħataw għall-ewwel darba fond ta’ €3.15 miljun, qed isir investiment ta’ €700 miljun biex jerġgħu jsiru t-toroq kollha ta’ pajjiżna u hemm ukoll id-development planning fund li għandu disponibbli għall-Kunsilli Lokali €28 miljun biex jintużaw għall-ġid tal-lokalitajiet tagħna.