Qed inħarsu lejn pjani, li jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna għall-għoxrin u t-tletin sena li ġejjin. Stqarr dan il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, hekk kif ma’ dan l-istazzjon spjega f’aktar dettall, il-ħidma li għaddejja biex jitfasslu pjani ambizzjużi favur sptar ġdid fis-sit ta’ St Luke’s, fi Gwardamanġa.
Dan wara li l-istess Ministru ħabbar, waqt dibattitu fuq l-istazzjon nazzjonali, il-ħidma li qed issir f’dan ir-rigward.
Fil-fatt, il-Ministru Abela spjega l-funzjoni ewlenija li hu mmirat li jkollu dan l-isptar il-ġdid.
“Aħna nixtiequ u għandna din il-viżjoni li hemmhekk ikun hemm sptar fejn il-pazjenti jkunu jistgħu jiġu milqugħa u jieħdu trattament on a day case basis. Diversi tipi ta’ operazzjonijiet, fil-kirurġija ġenerali, ġinekoloġija, ortopedija u nista’ nibqa’ sejjer. Dawn is-servizzi jekk ħa jkunu kkonċentrati f’dan il-post se jkunu qed jagħmlu spazju f’Mater Dei biex f’Mater Dei nkunu nistgħu nieħdu ħsieb in-patients.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Il-Ministru tenna kif il-Gvern qed iħares lejn dawn il-pjani bis-serjetà.
Dan hekk kif, permezz ta’ dan l-isptar il-ġdid u anke l-investimenti kbar li qed isiru fil-kura primarja, l-Isptar Mater Dei jkun jista’ jiffoka aktar u jilqa’ fi ħdanu pazjenti li jkollhom bżonn kura fit-tul.
“Qed inħarsu lejn pjani u qed inħarsu lejhom bis-serjetà. Pjani li huma pjani preċedenti u aħna ovvjament qed nipprovaw kemm jista’ jkun intejbuhom. Aħna nixtiequ sistema tas-saħħa, hawnhekk qed nitkellem fuq Mater Dei, imma qed nitkellem ukoll fuq is-sit ta’ St Luke’s li jkunu jistgħu jaqdu lil pajjiżna għall-20 u t-30 sena li ġejjin. Dawn huma pjani ambizzjużi.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela