Meta tkellem fid-dettall dwar il-baġit li se jkun qed jitressaq għada, il-Prim Ministru tenna li l-punt ewlieni jrid jibqa’ dak li x-xogħol jibqa’ jitkattar. Dan bħala parti mill-pjan li jkabbar il-middle class u li jifrex il-ġid fost is-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà. Il-Prim Ministru għamel emfasi partikolari fuq il-ħaddiema u l-pensjonanti li huma l-qofol ta’ miżuri maħsuba jiex joħolqu ġustizzja suċjali.
“Il-mod kif l-ekonomija għamlet it-turnaround hija billi nemfasizzaw l-investiment u noħolqu iktar postijiet tax-xogħol,” qal il-Prim Ministru li żied li ma nistgħux nagħtu widen għal min jgħid li l-ekonomija tista’ titħalla waħedha.
“Il-ħolqien tax-xogħol jibqa’ fuq quddiem nett tal-aġenda tagħna tal-baġit li ġej. Issa qegħdin f’sitwazzjoni fejn inwettqu t-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol,” kompla Joseph Muscat.Spjega kif hemm miżura li toħroġ mill-ftehim dwar il-paga minima u li eluf se jgawdu minnu b’mod awtomatiku.
“Dak il-ftehim jgħidlek li persuna ma jistax jagħmel iktar minn ċertu żmien fuq il-paga minima. Is-sena d-dieħla, eluf ta’ persuni, lil’hinn minn dak li se jitħabbar għada, se jiżdiedu bi €3 fil-ġimgħa b’mod awtomatiku,” qal Muscat li żied kif qabel il-Ministru tal-Finanzi beda jaqra l-baġit, dawn in-nies diġà jafu li ħadu l-ewwel ħaġa.
“Is-suċċess li qed jikseb il-pajjiż jitferrex u ngħixuh bħala familji, bħala negozji u bħala poplu,” qal Joseph Muscat. Hawn għamel referenza lejn 170 ħaddiem tal-home help li kienu ilhom snin sħaħ ma jieħdu żieda. “Dawn il-ħaddiema m’għandhomx bżonn jistennew il-baġit għax żidnihom €28 fil-ġimgħa,” fakkar il-Prim Ministru li żied li ħadu wkoll żidiet il-membri tal-korp tal-pulizija.
“Se jkun hemm titjib drastiku fil-kundizzjonijiet tal-korp tal-pulizija,” qal Joseph Muscat li rrefera għall-mod kif sezzjonijiet oħra ta’ ħaddiema jibdew jitolbu wkoll żidiet wara li jkun iffirmat ftehim ta’ dak it-tip.
“It-tweġiba tiegħi kienet minn x’imkien trid tibda. Imma kif wasalna mal-pulizija naslu mas-suldati u ċ-ċivil protection. Dan il-gvern jasal ma’ kulħadd,” qal Joseph Muscat.
Tkellem dwar kif il-baġit huwa maħsub biex iwieżen lil min jiflaħ l-inqas u għamel referenza għall-istatistika li din reġgħet ikkonfermat tnaqqis fil-faqar.
“Għandna target iddikjarat li l-ebda tifel jew tifla li jkunu jgħixu f’familja fejn imqar persuna waħda taħdem m’għandhom ikunu fil-faqar,” spjega Joseph Muscat.
Fisser kif mira oħra tal-baġit huma l-anzjani. “Għada l-anzjani l-uniku sorpriża li jsita’ jkollhom hija kemm żdiedu fil-pensjoni,” qal Joseph Muscat li saħaq li llum iż-żieda hija xi ħaġa mistennija.
Joseph Muscat tkellem ukoll dwar kif dak ta’ għada huwa baġit li se jkompli jwettaq il-miżuri mwiegħda lill-poplu. “Parti mill-programm tagħna li fassalna fil-manifest elettorali li se jkompli jerġa’ jitwettaq. Minn kwistjoni li nsolvu l-inġustizzji għal kwistjonijiet oħra li hemm pendenti,” qal il-Prim Ministru.
Tlaqna minn realtà differenti
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Prim Ministru għamel referenza lejn l-ewwel baġits ta’ Gvern Laburista ftit tas-snin ilu wara l-bidla fil-gvern.
Żmien fejn ir-realtà kienet ferm differenti minn tal-lum.
“Fl-ewwel jiem tagħna kellna mmorru ninnegozjaw mal-Unjoni Ewropea għax id-defiċit li kellna kien qed imur bil-wisq lil’hinn minn dak aċċettat mill-Unjoni Ewropea,” fakkar Joseph Muscat li spjega kif il-Partit mexa ‘l quddiem għax kien hemm pjan.
“Aħna dejjem għidna li għandna pjan għal dan il-pajjiż fuq medda ta’ għaxar snin, fuq kif se nitrasformawh dan il-pajjiż,” qal Muscat li fisser kif dan il-pjan kien hemm mill-ewwel ġurnata. Pjan li bidel id-defiċit f’surplus inkluż fis-sena tal-elezzjoni.
“Aħna writna ekonomija li kienet midjuna iktar minn 75% tal-piż tal-ekonomija,” spjega l-Prim Ministru.
Tkellem dwar kif kien hemm bidla fil-mod kif il-poplu jistenna l-ġurnata tal-baġit. “Fil-baġits ta’ wara l-elezzjoni dak iż-żmien l-iktar li l-gvern kien jissikka ċ-ċintorin,” qal Joseph Muscat li fakkar kif kienet tiżdied il-bolla u l-vat.
“Kienu jgħolew il-kontijiet, kienet iddaħlet is-surcharge u jgħolew il-bambin biss jaf kemm tariffi tal-gvern. Mhux ta’ b’xejn in-nies kienu jinkwetaw,” qal Joseph Muscat.
“Minflok illum ma’ kull min niltaqa’ jgħidli kemm se żżidna u x’se ddaħlu inċentivi ġodda. Illum id-diskussjoni saret mhux il-gvern x’se jieħu minn nies imma l-gvern x’se jagħti mill-familji,” qal Joseph Muscat.
“Huwa b’dan il-mod li verament qed noħolqu middle- class ġdida fil-pajjiż,” żied Joseph Muscat li tenna kif il-middle class hija dik il-familja li taspira li timxi ‘l quddiem.
“Dan il-gvern daħħal l-idea soda li l-baġit mhux biss nippreżentawh imma qabel kull baġit nippreżentaw rapport dwar x’għamilna mill-baġit ta’ qabel,” qal Joseph Muscat li spjega kif illum il-ġurnata bħala Prim Ministru jkun mgħarraf xahar b’xahar x’qed isir fuq kull miżura tal-baġit. Tkellem dwar kif 78% tal-miżuri tal-baġit li għadda twettqu. “Dawn huma ammonti miġbura sa Settembru meta fadal tliet xhur minn din is-sena,” kompla Joseph Muscat.