Sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, il-kwarantina ta’ dawk li jkollhom kuntatt ma’ persuna pożittiva se tkun qed titneħħa.
Dan hekk kif bħalissa l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jaraw nieżel sew in-numru ta’ dawk infettati mill-virus meta jkollhom kuntatt ma’ persuna li jkollha l-virus, dawk imsejħin bħala ‘primary contact’.
Fuq ix-xandir nazzjonali, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif in-numru ta’ trażmissjoni tal-virus minn kuntatti primarji, nieżel.
Id-Deputat Prim Ministru, “Kien hemm żmien fejn kien xi 15%, wieħed minn kull sebgħa. Dak in-numru issa nieżel u nieżel sew. Fil-ġimgħat li ġejjin, meta dak in-numru jkun nieżel biżżejjed, biex ma jibqax ikun perikoluż illi persuni li jkun hawn primary contacts joħorġu fil-komunità, il-kwarantina tal-primary contacts titneħħa. Jekk it-trend li qegħdin naraw tibqa’, dak il-perjodu ħa jkun lejn l-aħħar ġimgħa jew l-aħħar ħmistax ta’ Frar.”
Id-Deputat Prim Ministru nnota kif ir-rata ta’ pożittivita naqqset aktar minn nofs u qal kif qed isiru madwar 3,000 test kuljum.
Chris Fearne spjega kif il-miżuri jsiru skont ix-xjenza u sabiex jipproteġu s-soċjetà.
Qal li t-tilqim tal-booster u t-tnaqqis fl-infezzjonijiet wassal għar-rilaxx marbut maċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Spjega kif fil-ġranet li ġejjin se jibda l-pjan għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19.
Qal kif waħda mill-aħħar miżuri ta’ dan il-pjan diġà ġiet imħabbra, jiġifieri dik li se jsiru l-festi, kif kienu jsiru qabel il-pandemija.
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif fix-xahar ta’ Marzu mistenni jkun hemm iżjed rilaxx fil-miżuri, b’rabta mat-tiġijiet, f’kunċerti u l-istabbilimenti tad-divertiment.
Il-Ministru għas-Saħħa, “Bejn dak li ħabbarna li ħa jiġri sal-erbatax ta’ Frar u d-data tal-aħħar ta’ April, Mejju, hemm steps oħrajn li se nkunu qegħdin inħabbruhom, inkluż x’ser jiġri fit-tiġijiet, inkluż x’ser jiġri fin-nightclubs, inkluż dak li se jiġri fl-istanding events, inkluż il-kwarantina. Jiġifieri dawk huma kollha parti mill-pjan illi iżjed ma’ jinżlu n-numri, inqas se jkollna bżonnhom u għalhekk nistgħu nirrilaxxaw.”
Chris Fearne spjega li l-pjan tar-rilaxx se jsir gradwalment u dejjem jiddependi skont is-sitwazzjoni, iżda qal li l-previżjonijiet huma tajbin.
Dwar it-tilqim tat-tfal, il-Ministru għas-Saħħa qal kif Malta għandha fost l-ogħla rati ta’ tilqim fid-dinja.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif s’issa m’hemmx bżonn tar-raba’ doża u qal kif dwar dan hemm qbil bejn il-Ministri tal-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini.
Id-Deputat Prim Ministru nnota kif il-proporzjon kbir minn dawk li kien hemm fit-Taqsima għall-Kura Intensiva minħabba l-Covid, ma ħadux il-vaċċin.