Fi Frar li ġej, se jkun hemm pjan ikkordinat dwar il-qbid tal-bagħal taż-żunżan biex tiġi kkontrollata l-popolazzjoni tagħhom.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, waqt id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji tal-Ministeru li jmexxi.
Il-bagħal taż-żunżan huwa ta’ theddida għan-naħal. Fix-xhur li għaddew kien hemm żieda fil-popolazzjoni, li anki taffettwa l-agrikoltura f’pajjiżna, għax in-naħal huwa bżonnjuż għall-produzzjoni tal-ikel.
Il-Ministru Refalo qal li, fix-xhur li għaddew minn mindu faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna l-Gvern ħadem biex jiġu assigurati kemm il-provvista tal-qmuħ u ċ-ċereali kif ukoll l-istabbilita fil-prezzijiet tagħhom għall-konsumatur.
“Permezz ta’ din l-iskema l-operaturi ġew offruti assistenza finanzjarja bbażata fuq id-differenza bejn ix-xiri, bejn il-prezz tax-xiri bħalissa u dak qabel il-gwerra. Barra minn hekk, l-importaturi taċ-ċereali ġew megħjuna finanzjarjament permezz ta’ skemi mill-Malta Development Bank.”
Dwar ir-riforma fil-kera tar-raba’, il-Ministru Anton Refalo qal li dan se jkun qed jagħti serħan il-moħħ lill-bdiewa.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u l-Ħarsien tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, qalet li s-sena d-dieħla l-Gvern se jinvesti €200,000 għas-sorveljanza kontra l-illegalitajiet minn sajjieda barranin u għall-protezzjoni tas-sajjieda Maltin.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li fix-xhur li ġejjin se tiġi varata kampanja nazzjonali ta’ tiswija tal-qtates. Semmiet ukoll l-għajnuna li l-Gvern ta sabiex jikkumpensa l-għoli tal-fjuwil tas-sajjieda.
“Proprju dan il-Gvern, f’perjodu ta’ inċertezza, l-ewwel ħaġa li għamilna, anki meta għola l-fjuwil għas-sajjied, morna quddiem l-Unjoni Ewropea u ġibna €700,000 ta’ għajnuna sabiex inkunu nistgħu nżommu r-reżiljenza ta’ dan is-settur.”
Hija qalet ukoll li ċ-ċimiterju tal-annimali domestiċi f’Ta’ Qali se jibda jopera mis-sena li ġejja.
Min-naħa tagħha, id-deputat Romilda Baldacchino Zarb qalet li l-Gvern għandu jagħti trattament xieraq lill-annimali.
“Jeħtieġ li nassiguraw li jiġu mdaħħla standards, standards sabiex jirregolarizzaw breeders, trainers, groomers, u pet sitters. B’hekk nassiguraw trattament xieraq lejn l-annimali tagħna.”