Il-Pjan ta’ riġenerazzjoni Ekonomika li ħabbar il-Prim Ministru lbieraħ biex Malta jkollha Għada Aħjar huwa xhieda ċara ta’ kemm dan il-Gvern jippremja l-bżulija Maltin u l-Għawdxin.
Dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni ta’ €900 miljun huwa bbażat fuq 3 punti prinċipali – Tnaqqis ta’ spejjeż għan-negozji, spinta lid-domanda domestika u Sostenn dirett lill-industrija favur ix-xogħol.
F’dan il-pakkett ta’ miżuri jispikkaw l-akbar roħs f’daqqa fil-prezzijiet tal-petrol u d-diżil, €30 miljun f’roħs fil-kontijiet tad-dawl għas-settur kummerċjali, rifużjoni għal min ippospona t-tieġ, voucher ta’ €100 għal kull persuna biex jintefqu f’ristoranti, lukandi u negozji oħra u għajnuniet akbar għal dawk li jridu jsiru sidien ta’ djarhom fost l-oħrajn.
Din hija l-akbar injezzjoni li l-Gvern qed jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi.
Dan il-pakkett ta’ miżuri huwa bbażat fuq il-fiduċja li l-Prim Ministru għandu fil-poplu. Pjan li jagħti viżjoni u direzzjoni filwaqt li jinċentiva lil min jinvesti f’pajjiżna. Dan ma setax ikun possibli li kieku ma ttieħdux miżuri importanti u responsabbli wara li faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19. Ir-reżiljenza tal-poplu Malti u Għawdxi ħalliet il-frott tagħha.
B’hekk, Gvern Laburista qed jibqa’ jkun il-katalista tax-xogħol filwaqt li jassigura li s-suċċess jitqassam ma kulħadd.