Bħala parti mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea, Malta qiegħda tospita s-Semantic Interoperability Conference dwar id-data u l-immaniġġjar tal-informazzjoni. Il-konferenza qiegħda tiġi organizzata b’kollaborazzjoni bejn il-Programm ISA tal-Kummissjoni Ewropea u l-MITA.
Waqt li indirizza l-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri qal li Malta qiegħda tistabbilixxi pjan ħolisitiku dwar l-immaniġġjar tad-data bħala ass għall-intrapriżi.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri spjega li d-data hi pjattaforma fundamentali li fuqha jiddependi s-suċċess tal-ekonomija diġitali. Hu qal ukoll li d-data hi meqjusa minn ħafna nies bħala l-fuel tal-ekonomija u possibilment ħelsien ġdid, li hu essenzjali biex jintleħqu l-għanijiet tas-Suq Uniku Diġitali.
Is-Segretarju Parlamentari żvela li l-Istrateġija Nazzjonali tad-Data tinsab f’fażi avvanzata ta’ konsultazzjoni teknika u qiegħda tiġi ddisinjata b’tali mod li tkun b’saħħitha biex twassal għad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi.
Dwar l-interoperabbiltà, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li din hi kruċjali għall-użu ta’ servizzi u data, kemm fuq livell lokali, kif ukoll fuq livell transkonfinali. Bl-istess mod, is-Segretarju Parlamentari qal li hu importanti li jitneħħew ukoll il-fruntieri legali u politiċi biex ikun hemm tixrid ħieles tad-data. Hu spjega li bħalissa Malta qiegħda tipproponi sistema ta’ reġistri uffiċjali konness bejniethom u li jistgħu jservu bħala l-pedament li fuqhom jibnew pjattaformi għall-użu mill-ġdid ta’ data u servizzi pubbliċi minn tarf sa ieħor.
Filwaqt li sostna li l-implimentazzjoni ta’ sistemi bħal dawn tista’ tkun ta’ sfida, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li hemm diversi modi ta’ kif dawn l-għanijiet jistgħu jintleħqu fit-tlieta sa ħames snin li ġejjin.