Infrastruttura Malta qed tippjana r-rikostruzzjoni tal-breakwater ta’ Buġibba sabiex jiġu offruti faċilitajiet ta’ nżul aktar siguri u terminal tal-passiġġieri. Dan ser ikun qed iwassal għal estensjoni tas-servizz ta’ trasport bil-lanċa bejn il-Belt Valletta, tas-Sliema u l-Kottonera sa San Pawl il-Baħar.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg li spjega kif dan il-proġett huwa evidenza ċara li dan huwa Gvern li jisma’ għall-ħtiġijiet tal-lokalitajiet differenti.
Il-Ministru Borg qal, “Inneħħu iżjed karozzi minn fuq it-toroq billi n-nies jagħżlu li jivvjaġġaw permezz tal-baħar. U allura dan l-investiment infrastrutturali fil-baħar ser ikun qed jgħin sabiex nottjenu l-miri li għandu l-Gvern, il-Gvern li huwa viċin in-nies u jaf x’jixtiequ l-komunitajiet tagħna.”
Fi stqarrija intqal kif il-Breakwater il-ġdid ser ikun twil 180 metru u għalhekk itwal minn dak eżistenti. Dan ser joffri iżjed kenn għall-bastimenti u d-dgħajjes fiż-żona.
Dan il-breakwater ser ikun attrezzat b’faċilitajiet ta’ irmiġġ u nżul għal-lanċa tal-passiġġieri.
Ħdejn il-breakwater, Infrastruttura Malta qed tipproponi l-bini ta’ terminal żgħir tal-laneċ. Dan b’żona minn fejn jinxtraw il-biljetti u fejn il-passiġġieri jkunu jistgħu jistennew. Ser ikunu qed isiru wkoll l-faċilitajiet neċessarji sabiex il-post ikun aċċessibli għal kulħadd.
Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima laqa’ dan il-proġett.
Huwa stqarr: “Il-fatt li dan il-moll ilu snin bi problemi żgur ser jgħin immedjatament Aktar minn hekk, kif qal il-Ministru, l-konnettività hija importanti għal lokal kbir bħal tagħna, importanti għall-ekonomija u importanti għar-resident kif ukoll għall-industrija u l-kummerċjanti.”