L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu nediet pjan strateġiku ġdid għal Blue Lagoon f’Kemmuna, b’mira li tħares l-ambjent delikat taż-żona u fl-istess waqt tagħmilha aktar aċċessibbli b’mod aktar sostenibbli.
Il-pjan qed jitfassal b’kollaborazzjoni ma’ kumpanija ta’ disinjaturi, li jinvolvi fost l-oħrajn it-tisbiħ tal-infrastruttura, it-titjib tas-sanità u l-ħolqien ta’ spazji għall-mistrieħ.
Blue Lagoon, magħrufa għall-ilmijiet ċari tagħha, hija żona protetta u hija destinazzjoni turistika ewlenija.
Il-pjan jimmira li jnaqqas l-impatt tal-attività umana, b’miżuri bħal tnaqqis fin-numru ta’ viżitaturi kuljum u limitazzjonijiet fuq l-operat tal-laneċ – b’dawn se jidħlu fis-seħħ mis-sajf li ġej.
Dan filwaqt li għadd ta’ interventi oħra huma skedati għas-sena d-dieħla.
Id-disinn tal-proġett se jkun ibbażat fuq materjali naturali u tradizzjonali, li jirrispettaw il-pajsaġġ ta’ din il-gżira, filwaqt li jiżgura aċċess għall-persuni b’diżabilità.
Se jsir titjib fil-mogħdijiet, filwaqt li l-ħwienet tal-ikel u x-xorb se jiġu riorganizzati.
Se jinħoloq ukoll ċentru ta’ informazzjoni u infurzar, filwaqt li l-iskop ewlieni hu li titnaqqas id-diżordni viżiva u li jinħoloq ambjent aktar sigur.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għat-Turiżmu Ian Borg, qal li jeħtieġ mentalità ġdida lejn Kemmuna, hekk kif hija post fraġli u uniku li għandu jiġi protett b’serjetà. Dan filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef qal li l-pjan jissodisfa l-għanijiet tal-Istrateġija tat-Turiżmu sal-2030.
Il-pubbliku, kif ukoll l-NGOs ambjentali, se jkun involuti fil-proċess ta’ konsultazzjoni, hekk kif id-disinji jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.