Hekk kif fl-2017, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u s-Solitarjetá Soċjali nieda l-istrateġija tal-irtirar u l-kapaċitá finanzjarja, illum ġie mniedi stħarriġ mill-Organizzazjoni għall-Iżvilupp Ekonomiku dwar il-litteriżmu finanzjarju. B’dan l-istħarriġ wieħed jistgħa jara kif il-poplu Malti jieħu deċiżjonijiet dwar kif iqassmu flushom.
L-istħarriġ juri li 95% tal-Maltin jieħdu deċiżjoni huma dwar flushom, filwaqt li 67% ta’ dawk fl-età bejn it-18 u d-19-il sena, u 47% ta’ żgħażagħ fl-età bejn l-20 u d-29 sena, tennew li deċiżjonijiet ta’ din ix-xorta jeħodhom ħaddieħor għalihom. Dan juri wkoll li wieħed minn kull tlieta m’għandhom l-ebda pjan dwar kif jieħu ħsieb flushom.
Ir-riċerka kkonfermat li l-Maltin iħobbu jfaddlu, iżda huma kawti fit-tħaddim tat-tifdil tagħhom, tant li jirrikorru għal prodotti finanzjarji li tagħhom huma midħla sew, anke jekk ma tantx irendu.
Il-Konsulent fil-Ministeru David Spiteri Ginger spjega li l-għan ta’ dan il-pjan hu li jeduka lill-ġenerazzjoni futura, dwar kif tibża għal flusha u taħseb għal meta tirtira:
“Qegħdin nagħmlu numru ta’ inizjattivi, u dan huwa proċess ta’ edukazzjoni u kultura, u għalhekk qed nimmiraw kampanja li se tkun ta’ sentejn, li se tiġi ndirizzata len oqsma differenti tas-soċjetà, nisa single mothers, nies divorzjati, u min jaħdem għal rasu”.
L-istħarriġ juri wkoll li 45% tal-Matlin m’għandhomx pjan għal meta jirtiraw, filwaqt li 11% m’humiex kunfidenti dwar kif qed iħejju għal meta jirtiraw. Għal dan, il-Ministru Michael Falzon stqarr li dan il-pjan se jgħin lil ħafna biex jgħixu ħajja aħjar wara li jirtiraw:
“Kif wieħed għandu jippjana għall-irtirar tiegħu, f’sens li wieħed għal meta jirtira jkollu biżżejjed introjtu biex jgħix ħajja diċenti”.