Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili skatta pjan bil-għan li jnaqqas l-effetti negattivi li jista’ joħloq il-Coronavirus fuq il-ħaddiema kollha tas-salvataġġ.
Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila spjega li mat-tifqiegħa ta’ dan il-virus f’pajjiżna infetħu tliet stazzjonijiet ġodda bil-għan li jonqsu l-ħaddiema minn kull stazzjon.
Psaila stqarr, “Is-shiftijiet li kienu ta’ 14-il persuna qsamnihom. Ta’ dan nirringrazzja lill-ministu t’Għawdex kif ukoll lill-brigadier. Għax ftaħna tliet stazzjonijiet temporanji. Waħda fl-iskola ta’ Ħad-Dingli fejn tellajna l-USAR, Għawdex qsamnih fi tnejn, il-Kumpless Sportiv u l-Heliport u ġewwa Pembroke fejn konna konna nagħtu fire cover fl-aħħar tal-ġimgħa issa qed intuh kuljum.”
Is-Sur Psaila kompla jispjega li apparti li nfetħu dawn l-istazzjonijiet temporanji, l-istazzjon ta’ Delimara u tal-Furjana ġew msaħħa b’aktar vetturi.
Dan kollu sar biex f’każ li jimrad ħaddiem wieħed l-ammont ta’ ħadidema li jkollhom jidħlu fi kwarantina jonqsu.
Id-direttur tal-Protezzjoni Ċivili kompla jispjega li tul dawn l-aħħar xhur id-dipartiment investa f’tagħmir modern ta’ dikontaminazzjoni li bħalissa jinsab armat fit-Taqsima Marittima biswit il-Port il-Kbir.
Ta’ kuljum din it-taqsima qed tiddikontamina diversi vetturi u binjiet li qed jintużaw kontra l-firxa tal-coronavirus f’pajjiżna fosthom karozzi tal-uffiċjali tas-saħħa pubblika, vetturi tal-Pulizija kif ukoll f’xi binjiet strateġiċi bħall-għasses tal-Pulizija.
Il-proċess ta’ dikontaminazzjoni huwa wieħed metakoluż ħafna bil-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili qed jużaw kimiċi apposta li joqtlu kull tip ta’ virus.
Qabel ma jneħħu l-ilbies protettiv tagħhom il-ħaddiema mit-taqsima tal-HAZMAT ikunu jridu jinħaslu f’tagħmir li ġie armat apposta biex jitneħħa kull tik ta’ kontaminazzjoni li jkollhom fuq l-ilbies protettiv tagħhom.
Il-pjan tal-Protezzjoni Ċivili huwa parti minn wieħed usa li qed isir mill-forzi dixxiplinati kollha taħt it-tmexxija tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u li jinvolvi wkoll il-pulizija u l-forzi armati ta’ Malta li wkool qed jieħdu miżuri speċifiċi minħabba t-tixrid tal-Virus Covid-19.