Sal-aħħar ta’ dan ix-xahar mistenni jkun konkluż l-abbozz tal-business plan tal-Air Malta flimkien mas-sħab strateġiċi, jiġifieri l-Alitalia u l-Etihad Airways. Sostna dan il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis waqt il-laqgħa Gvern Li Jisma’ li saret l-Erbgħa filgħaxija f’Kastilja.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li rridu nagħtu futur fit-tul lil-linja nazzjonali tal-ajru. Huwa tkellem dwar il-previżjonijiet rekord li mistennija jintlaħqu dan ix-xahar hekk kif f’Ġunju biss huwa stmat li ħa jkollna mal-200,000 turist. Saħaq li l-mira tal-Gvern hija li sa tmiem is-sena d-dieħla pajjiżna jmiss mal-figura ta’ żewġ miljun turist fis-sena.
Il-Ministru responsabbli mit-turiżmu semma wkoll iż-żieda tat-turiżmu f’Għawdex u qal li meta mqabbel mal-2012, issa ġiet reġistrata żieda ta’ 60% fin-numru ta’ turisti li rifsu l-gżira tat-tlett għoljiet. Spjega wkoll kif l-industrija tal-films kompliet trendi hekk kif issa l-Gvern qed iħares lejn is-sostennibilità ta’ din l-industrija billi jattira aktar produzzjonijiet matul ix-xhur kollha tas-sena.