Il-Gvern għaddej b’diskussjonijiet ma’ min iħaddem u mal-unions biex jiġi identifikat in-nuqqas ta’ ħiliet li qegħdin jesperjenzaw fir-riżorsa umana, fl-istess ħin li qed issir ħidma mal-istituzzjonijiet edukattivi biex tiġi indirizzata l-iskills gap permezz ta’ korsijiet ġodda.
Dan se jwassal għall-assigurazzjoni li mill-bank tal-iskola, l-istudenti jkunu preparati għad-dinja tax-xogħol u jsibu mpjieg ta’ kwalità mal-ewwel.
Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri li flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo indirizza dan is-seminar. Din is-sessjoni, organizzata mill-MIMCOL, indirizzat it-tielet pilastru tad-dokument tal-Viżjoni Ekonomika ta’ Malta għal għaxar snin li ġejjin, li huwa l-Edukazzjoni u x-Xogħol. Dan id-dokument li fih ħames pilastri jinsab miftuħ għall-konsultazzjoni nazzjonali.
Fl-istess sessjoni pparteċipaw ukoll partijiet interessati minn entitajiet tal-gvern, is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Il-Ministru Schembri stqarr li Malta trid tkompli tinvesti fit-talent uman: “Mhux biżejjed li nkomplu nsaħħu l-ekonomija, iżda rridu nagħmlu a feature proof economy sabiex iż-żgħażagħ, l-istudenti tagħna kif ukoll l-industrijalisti jridu jinvestu fil-pajjiż ikollhom viżjoni ssetjata u jkunu jafu fejn iridu l-pajjiż għall-għaxar snin li ġejjin.”
L-istess ħsieb fissritu wkoll il-Ministru Caruana. Hija stqarret: “Jekk ma nippreparawx lill-istudenti sa minn stadju bikri, l-industrija mhux se jkollha n-nies meħtieġa biex inkunu nistgħu nimplimentaw il-viżjoni ekonomika, u allura l-ħtieġa li naħdmu aktar flimkien biex ikollna riżultati aktar effikaċi, effettivi u aktar malajr.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li f’dinja li qed tinbidel kuljum, il-kwalità trid issir l-ordni tal-ġurnata.
Huwa sostna: “It-turiżmu sostenibbli huwa importanti ħafna li nkomplu ngħafsu fuqu sabiex b’hekk l-ekonomija verament tkompli timxi ‘l quddiem għaż-żmien illi ġej. Matul il-pandemija ħriġna bi strteġija ta’ pajjiżna għall-għaxar snin li ġejjin fejn jidħol il-qasam turistiku mibnija fuq tliet pilastri.”
Dawk kollha interessati li jipparteċipaw f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni jistgħu jżuru s-sit economicvision.mimcol.com.mt
Il-proċess ta’ konsultazzjoni se jibqa’ miftuħ sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.