25 pazjent li għandhom il-virus tal-Epatite C bdew jingħataw il-kura medika bħala parti mill-pjan nazzjonali ambizzjuż li fil-5 snin li ġejjin, dan il-virus jinqered ghal kollox minn pajjiżna.
Fl-Infectious Disease Unit fil-Brown Ward fl-Isptar Mater Dei, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, spjega li l-kura lill-pazjenti se tingħata fi 3 fażijiet.
Fl-ewwel fażi – li mistennija tieħu sena, se jingħataw it-trattament mediku l-200 pazjent irreġistrat fuq il-kotba tal-isptar.
Fit-tieni fażi, li se tieħu sena oħra, se jingħataw il-kura l-pazjenti fil-komunitajiet bl-Epatite C.
Fit-tielet fażi, li mistennija tieħu 3 snin, se jsir screening biex jiġu identifikati dawk il-pazjenti li għandhom dan il-virus u ma jafux.
It-trattament il-ġdid – li se jingħata permezz ta’ pillola kuljum, se jieħu 12-il ġimgħa. Jekk il-kors ma jirnexxix u l-pazjent ma jfieqx, jerġa’ jgħaddi minn kors ieħor ta’ 12-il ġimgħa.