Kienet inaqgurata pixxina terapewtika ġdida u moderna għall-aħħar biex tintuża mir-residenti tad-Dar tal-Providenza. Pixxina li se sservi biex ir-residenti tal-Providenza jingħataw kura aħjar u iktar għajnuna.
Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza irrefera għall-kliem li l-mibki Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca kien qal fil-funeral ta’ Mons Mikiel Azzopardi: “Mur b’moħħok b’mistrieħ. Serraħ rasek, Dun Mikiel għax l-inizjattivi kollha li bdejt se jitkomplew.”
Din l-istqarrija, kompla jgħid Fr Martin, tefgħet responsabiltà kbira fuq dawk li jmexxu u jaħdmu fid-Dar tas-Siġġiewi. Kien kliem profetiku għax minn dak iż-żmien sal-lum bil-għajnuna ta’ Alla hekk ġara u hekk hija t-tama li jkompli jiġri fil-ġejjieni. Il-proġett tal-pixxina terapewtika li ġie inawgurat il-Ġimgħa 4 ta’ Novembru huwa turija oħra tal-impenn ta’ kull min hu responabbli mit-tmexxija tad-Dar kif ukoll tax-xewqa tal-poplu Malti u Għawdxi li l-ħolma ta’ Dun Mikiel titkompla.