Fetaħ ix-xahar t’Ottubru u miegħu ġiet ukoll il-kampanja dwar il-kanċer tas-sider. L-ewwel attività tal-massa għal dan ix-xahar kienet tikkonsisti f’ġirja bil-muturi mill-bajja Golden Sands f’Għajn Tuffieħa sa quddiem il-ġnien tal-Gżira.
Kienu aktar minn 500 sewwieq u sewwieqa tal-muturi li l-Ħadd filgħodu għamlu s-solitu ġirja tal-Ħadd bil-mutur tagħhom iżda din id-darba għamluha għal kawża ġusta li tolqot mat-tlett mitt mara fis-sena. Dan għaliex huwa dan in-numru ta’ nisa li bħala medja fis-sena qed isir magħruf li għandhom kanċer fis-sider. Preżenti għal bidu u l-wasla tas-sewwieqa tal-muturi kien hemm is-Sinjura Michelle Muscat, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold.
Għat-tieni sena l-attivitajiet marbuta ma’ Pink October qed isiru taħt l-awspiċi tal-Fondazzjoni Marigold li flimkien magħha ingħaqdu l-forzi tal-organizazzjonijiet Action for Breast Cancer u Europa Donna. Wara din l-attività inġabru aktar minn ħamest’elef ewro u li bihom se tiġi iffinanzjata magna ġdida li se tinxtara għall-Isptar Mater Dei sabiex tgħin fil-bijopsija tal-pazjent li jiżviluppalu kanċer fis-sider.