Pilota ta’ tnejn u ħamsin sena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li ħebb u hedded lis-sieħba tiegħu. Huma kienu ilu f’relazzjoni għal erba’ snin.
Fil-Qorti ntqal li l-akkużat, Massimo Galea minn Ta’ Sliema, fetaħ proċeduri legali fejn akkuża lill-Pulizija li ħatfu lit-tfajla tiegħu, wara din ma dehritx aktar fir-residenza tiegħu. Iżda l-Prosekuzzjoni spjegat li tfajla qatt ma kienet arrestata u kienet telqet mid-dar u riedet taċċerta ruħha li r-raġel ma jsibhiex.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit irrifjutat it-talba tal-ħelsien mill-arrest fid-dawl li l-vittma għadha trid tixhed.